Ninvestu fl-Edukazzjoni permezz ta’ Fondi Ewropej

Artiklu miktub minn Kurt Cortis, Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

L-edukazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp, kemm tal-persuna u kif ukoll tal-pajjiż. L-edukazzjoni ssaħħaħ id-demokrazija u l-ħajja ċivika, u sservi bħala triq għas-suċċess ekonomiku. Barra minn hekk, l-edukazzjoni tikkultiva wkoll it-talent u l-kreattività taż-żgħażagħ, tħeġġiġhom biex jingħaqdu ma’ nies oħra, u tispirahom biex jiskopru d-dinja li jgħixu fiha.

Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea għarfet tinvesti bil-qawwi matul is-snin biex is-sistemi u l-opportunitajiet fl-edukazzjoni tal-Istati Membri jwasslu għall-iżvilupp tar-riżorsi umani u għat-tkabbir ekonomiku. Dan tagħmlu permezz ta’ diversi programmi ta’ fondi, ewlenin fosthom, l-Erasmus+.

L-Eramsus+ huwa l-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li jappoġġja l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. B'baġit ta’ €26.2 biljun għall-perjodu 2021-2027, dan il-programm kważi rdoppja meta mqabbel mal-€14.7 biljun għall-2014-2020. L-Erasmus+ joffri diversi opportunitajiet ta’ fondi lil tipi differenti ta’ organizzazzjonijiet, bħal għaqdiet volontarji, universitajiet, skejjel, entitajiet pubbliċi u kif ukoll dawk privati, li jagħmlu esperjenzi barra pajjiżhom, traineeships, apprentistati, u skambji fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ, u sport. Il-programm joffri wkoll l-opportunità ta’ parteċipazzjoni lil individwi b’inqas opportunitajiet, bħal persuni b’diżabilità, immigranti, u dawk li jiffaċċjaw diffikultajiet soċjoekonomiċi. F’dan ir-rigward, il-programm il-ġdid jipprovdi opportunitajiet għal perjodi barra mill-pajjiż.

Waħda mill-opportunitajiet li joffri l-Erasmus+ hija mmirata lejn l-iskejjel primarji u dawk sekondarji. Permezz ta’ dan il-programm, skejjel lokali jistgħu japplikaw għal fondi biex iwettqu proġetti li jinvolvu kemm l-edukaturi u kemm l-istudenti.

L-Erasmus+ jiffinanzja proġetti biex jintbagħtu barra minn Malta kemm għalliema u persuni oħra involuti fil-qasam edukattiv, bħal amministraturi u kapijiet ta’ skejjel, biex dawn jattendu korsijiet ta’ taħriġ jew biex jgħallmu fi skejjel oħra għal perjodu ta’ żmien. Permezz ta’ dawn l-opportunitajiet, persuni li joperaw fis-settur edukattiv jistgħu jkomplu jsaħħu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom.

Apparti dan, l-Erasmus+ jiffinanzja wkoll proġetti għall-istudenti sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu perjodu ta’ żmien jistudjaw fi skola oħra jew jattendu traineeship barra minn xtutna. Dawn l-opportunitajiet jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw personalment, professjonalment u akkademikament. L-esperjenza internazzjonali trawwem il-kunfidenza, iżżid il-motivazzjoni, u tgħin l-individwu biex jikseb ħiliet ġodda u jirnexxi fid-dinja tal-lum.

Opportunità oħra mmirata lejn l-iskejjel hija l-koperazzjoni ma’ skejjel u għaqdiet oħra attivi fis-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżi differenti. Permezz tal-koperazzjoni, l-iskejjel isaħħu l-kwalità u r-rilevanza ta’ xogħolhom, jiżviluppaw u jsaħħu n-netwerks ta’ bejniethom u kif ukoll iżidu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu flimkien.

L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tgħin lil diversi entitajiet, fosthom l-iskejjel, biex jiżviluppaw il-proġetti tagħhom u japplikkaw għal fondi Ewropej. Infatti, biex insemmu eżempju wieħed, bl-għajnuna ta’ SEM, fis-sena 2020 iċ-Ċentru tar-Riżorsi għall-Edukazzjoni Primarja ta’ San Miguel applika b’suċċess għal proġett ta’ koperazzjoni. Għal dan il-proġett, l-iskola Maltija ngħaqdet ma’ erba’ skejjel oħra - mit-Turkija, l-Italja, il-Litwanja u l-Polonja - li kollha jiffukaw partikolarment fuq studenti bi bżonnijiet specjali. Permezz ta’ dan il-proġett, l-iskejjel involuti jaħdmu flimkien u jaqsmu l-ideat tagħhom sabiex jitgħallmu minn xulxin u b’hekk ikunu jistgħu jgħinu u jgħallmu lill-istudenti tagħhom aħjar.

Biex inħeġġu iżjed skejjel jibbenefikaw minn fondi Ewropej, l-aġenzija SEM ser tkun qed torganizza sessjoni ta’ informazzjoni fuq id-diversi opportunitajiet għall-iskejjel taħt il-programm Erasmus+. Ser tkun qed tingħata informazzjoni wkoll dwar kif SEM tista’ tgħin l-iskejjel japplikaw għal dawn il-fondi u jimplimentaw il-proġetti tagħhom ladarba dawn jiġu magħżula biex jingħataw il-finanzjament mitlub. Is-sessjoni ta’ informazzjoni ser issir onlajn nhar l-4 ta’ Novembru 2021, bejn it-15:00 u l-16:30. Għalliema, amministraturi u kapijiet ta’ skejjel lokali huma mħeġġin jieħdu sehem. 

Dawk interessati jattendu din is-sessjoni ta’ informazzjoni jew għal kwalunkwe mistoqsija oħra relatata mal-Unjoni Ewropea, jistgħu jikkuntattjaw lil SEM għal iktar tagħrif fuq 2200 3300 jew jibagħtu email fuq info.sem@gov.mt