Niskopru l-Unjoni Ewropea ma' Leo u Myra

Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal għall-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

‘Discover the European Union with Leo and Myra’ huwa ktieb ġdid ippubblikat minn Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta, li jwassal b’mod ħafif u interattiv informazzjoni bażika dwar l-Unjoni Ewropea lit-tfal ta’ 8 u 9 snin.

Il-ktieb ġie żviluppat bil-ħsieb li t-tfal jitgħallmu u jifhmu aktar l-Unjoni Ewropea, li huma ċittadini tagħha u li pajjiżhom hu parti minnha.

Il-ktieb ilaqqagħna ma’ żewġ karattri – Leo u Myra - żewġt itfal li għadhom kif irritornaw mill-vaganzi tagħhom tas-sajf. Leo u Myra qattgħu l-ġranet tal-vaganzi tas-sajf b’mod differenti mis-soltu. Huma għażlu li tul-is-sajf jitgħallmu aktar dwar l-Unjoni Ewropea billi jżuru s-27 pajjiż differenti. Tul il-vjaġġi fittizji tagħhom tgħallmu sew dwar l-Unjoni Ewropea b’dak li raw u esperjenzaw. Permezz ta’ dan il-ktieb, Leo u Myra jaqsmu l-esperjenzi tagħhom sabiex tfal oħrajn bħalhom ikunu jistgħu jitgħallmu u jiskopru l-Unjoni Ewropea.

Fil-ktieb wieħed jista’ jsib diversi temi ta’ informazzjoni fosthom tagħrif dwar l-Istati Membri, dwar il-lingwi uffiċjali, il-bandiera, l-innu u fuq kollox il-motto tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-qarrejja jsiru jafu aktar dwar il-munita komuni ta’ 20 pajjiż fl-Unjoni Ewropea - l-ewro. Il-valuri komuni tal-pajjiżi Ewropej, il-benefiċċji marbuta mas-Suq Uniku u l-ħidma tal-Unjoni Ewropea favur il-klima u l-ambjent huma wkoll suġġetti fil-ktieb.

Sezzjoni importanti tal-ktieb hija dwar stadji importanti fl-istorja ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

L-informazzjoni fil-ktieb hija ppreżentata kemm b’illustrazzjonijiet ikkuluriti ta’ Matt Stroud u permezz ta’ diversi logħob u attivitajiet li jgħinu lit-tfal jitgħallmu b’mod interattiv. Pereżempju, it-tfal jistgħu jitgħallmu l-bnadar u l-ismijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bl-istickers, bħalma jagħmlu għal monumenti ewlenin fl-Ewropa. Il-qarrejja jistgħu jisimgħu l-innu tal-Ewropa permezz ta’ QR code u jilagħbu logħba dwar il-klima u l-ambjent.

Il-ktieb ġie mniedi f’attività fis-6 ta’ Diċembru bil-parteċipazzjoni ta’ studenti mill-Iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid, Kulleġġ San Ġorġ Preca. Waqt din l-attività, l-istudenti kellhom l-opportunità li jiddiskutu flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Dr Chris Bonett, dwar l-Unjoni Ewropea u jesprimu l-ideat tagħhom dwar kif il-fondi Ewropej għandhom jintużaw għall-benefiċċju aħjar taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Ta’ dan nirringrazzjaw lill-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid li għamlet possibbli li jkollna l-parteċipazzjoni tal-istudenti li jirrappreżentaw l-etajiet li għalihom hu indirizzat il-ktieb.

Din hija t-tielet sena konsekuttiva li Europe Direct Valletta u Servizzi Ewropej f’Malta ppubblikaw ktieb b’informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea. Dan il-ktieb, hu bil-lingwa Ingliża biex jilħaq kemm jista’ jkun tfal u huwa wkoll stampat b’mod li jintuża wkoll minn tfal bid-dyslexia.

Il-ktieb jikkumplimenta ż-żewġ pubblikazzjonijiet preċedenti ppubblikati wieħed fl-2021, bit-titlu ta’ ‘#noħlomlixidarba’, immirat għal studenti ta’ bejn l-14 u l-15-il sena, u ‘Mas-Siġra tal-Ballut’, ippubblikat fl-2020 għal studenti ta’ 11 u 12-il sena. Dawn il-pubblikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu f’format diġitali mill-website ta’ SEM - sem.gov.mt – fis-sezzjoni ‘Inform’ u ‘Publications’.

Il-ktieb qiegħed jitqassam lill-istudenti tar-raba’ sena fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.

Min hu interessat li jakkwista dan il-ktieb stampat, kif ukoll pubblikazzjonijiet oħra ta’ SEM u Europe Direct Valletta, jista’ jibagħtilna email fuq edvalletta.sem@gov.mt, jew jikkuntattjana fuq 2779 7320.