Opportunitajiet ta’ fondi Ewropej għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali
Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt
Għal gżejjer bħal Malta u Għawdex, huwa essenzjali li s-settur agrikolu u rurali jkun sostenibbli. Dan il-fattur ħareġ iktar fil-beraħ bil-pandemija tal-Covid-19 fl-2020, li fixklet mhux ftit l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli kullimkien fid-dinja. Minħabba din il-kriżi kiber il-bżonn ta’ investimenti fis-settur agrikolu u rurali biex jiżgura s-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna.
Sa minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna bbenefika minn ammonti kbar ta’ fondi għal investimenti fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Dawn il-fondi huma maħsuba primarjament biex jgħinu lis-settur u lil dawk involuti fih ikunu produttivi u jagħmlu qligħ sostenibbli, waqt li jħaddnu aktar prattiċi favur l-ambjent u jikkonservaw l-ilma u l-ħamrija.
Dawn il-fondi jappoġġjaw ukoll kunsilli lokali, NGOs, intrapriżi u sidien tal-art, fost benefiċjarji oħrajn, biex iħarsu u jippriservaw il-pajsaġġ Malti, l-abitati naturali u l-ambjent. L-appoġġ jingħata biex jissewwew jew jinbnew ħitan tas-sejjieħ u strutturi oħra agrikoli, biex jinbnew toroq rurali, jiġu ppreservati siti ta’ Natura 2000 u jkattru l-ambjent naturali bi msaġar fost inizjattivi oħra.
L-applikazzjonijiet għall-fondi fis-settur agrikolu u rurali fetħu fit-3 ta’ April mill-Ministeru responsabbli mill-Fondi Ewropej u jagħlqu fit-2 ta’ Ġunju f’nofsinhar. Bdiewa, raħħala, sidien tal-art agrikola u rurali, kunsilli lokali u NGOs, fost oħrajn, jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi.
Għall-bdiewa u r-raħħala, b’mod partikolari, is-sejħa għal investimenti f’azjendi agrikoli hi maħsuba biex tappoġġja investimenti fl-għelieqi u l-irziezet u żżid il-produttività u s-sostenibilità f’dawn is-setturi. Minn din is-sejħa, il-benefiċjarji jirċievu 50% tal-ispiża f’investimenti f’makkinarju u sistemi li jkunu amjentalment effiċjenti, bħal dawk marbuta mal-immaniġġjar tal-ħamrija, il-ġbir u l-użu tal-ilma u l-immaniġġjar tal-iskart.
Opportunità oħra hija mmirata għal investimenti mhux produttivi, li ma jiġġenerawx qligħ jew dħul dirett, imma li għandhom impatt pożittiv fuq l-ambjent. L-investimenti jinkludu l-bini u r-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, ilqugħ u xogħlijiet oħra meħtieġa għall-konservazzjoni, pjanijiet ta’ immaniġġjar bħall-Pjanijiet għall-Immaniġġjar tal-Pesti u t-tisbiħ ta’ siti ta’ importanza ekoloġika li jkunu eliġibbli għal għotjiet sa €150,000.
Minbarra l-investimenti produttivi fl-azjendi agrikoli, il-fondi tal-UE għas-settur agrikolu u rurali jistgħu jintużaw ukoll biex iżidu l-imsaġar fil-gżejjer Maltin, b’siġar li mhumiex tal-frott. Għalhekk, sejħa oħra miftuħa hi dik ta’ investimenti finanzjati 100% li jżidu r-reżiljenza u l-valur ambjentali ta’ ekosistemi forestali. Il-fondi jkopru spejjeż ta’ propagazzjoni (żerriegħa, xitel, siġar) u tagħmir relatat bħal arbli u tagħmir ta’ irrigazzjoni.
Id-dokumenti relatati ma’ dawn l-opportunitajiet, inklużi n-noti gwida u l-applikazzjonijiet jinsabu fis-sit elettroniku fondi.eu.
Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tista’ tgħin fl-applikazzjonijiet għal dawn l-iskemi u opportunitajiet ta’ fondi tal-UE. Il-kuntatti huma bit-telephone 2779 7300, bl-email info.sem@gov.mt, jew mis-sit elettroniku fondi.eu.