Prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għall-2022: Nibnu llum l-Unjoni Ewropea tal-Futur

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Lejn l-aħħar tas-sena 2021, it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea – il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea - ħarġu dikjarazzjoni flimkien, li telenka l-azzjonijiet komuni li huma ser jieħdu fis-sena 2022.

Ma jistax jonqos li l-ħidma tal-Unjoni Ewropea fl-2022 tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet għas-sena 2021 li kienu fuq żewġ livelli. Minn naħa, li tkompli tindirizza l-irkupru mill-pandemija u min-naħa l-oħra li tħares ‘il quddiem biex l-Ewropa toħroġ iktar b’saħħitha, iktar sostenibbli u iktar kompetittiva, f’oqsma li jmorru lil hinn mill-pandemija.

Biex tindirizza dawn il-prijoritajiet, l-Unjoni Ewropea allokat biljuni ta’ ewro fil-baġit fit-tul tagħha għall-perjodu 2021-2027 u għall-pakkett NextGenerationEU, li jinkludi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dawn huma strumenti finanzjarji li jipprovdu l-għodod ewlenija biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi iktar b’saħħitha minn qabel il-pandemija, waqt li jagħmlu l-ekonomiji u s-soċjetajiet fl-Istati Membri iktar ġusti, ekoloġiċi u diġitali, u joħolqu iktar opportunitajiet u impjiegi. Permezz tagħhom, l-Unjoni Ewropea għarfet tpoġġi l-flus fejn l-iktar huma meħtieġa u fejn l-iktar jirrendu għall-ġid tal-pajjiżi u tas-soċjetajiet Ewropej. Hekk pereżempju, qed jiġu vvutati biljuni ta’ ewro f’appoġġ lill-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa, tat-taħriġ tal-ħaddiema u fl-opportunitajiet għall-istudenti u ż-żagħżagħ.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, għandu jwassal li tintlaħaq il-mira tan-newtralità tal-klima sal-2050. Dan qiegħed jiġi attwat permezz ta’ liġijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, effiċjenza fl-enerġija u prezzijiet affordabbli tal-enerġija għan-negozji u l-konsumaturi, l-enerġija rinnovabbli, il-ħarsien tal-bijodiversità, l-użu għaqli tal-ilma u l-kontroll tal-pestiċidi, fost l-oħrajn. L-Unjoni Ewropea trid tkun fuq quddiem biex iġġib din il-bidla tant meħtieġa fid-dinja ħalli tilqa’ għat-tibdil fil-klima u l-effetti negattivi tagħha. Din il-bidla għandha żżid l-opportunitajiet għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Is-sena d-dieħla għandhom jingħataw prijorità l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, waqt li tkun ċelebrata s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.

Il-Futur Diġitali huwa t-tieni prijorità, għaliex il-pandemija kixfet il-vulnerabbiltajiet ta’ dinja konnessa fl-użu tat-teknoloġiji ġodda li jiffurmaw il-mod kif ngħixu, nitgħallmu, naħdmu, nissoċjalizzaw u nikkunsmaw. It-theddidiet tas-sigurtà ċibernetika u l-aċċess għall-konnettività bl-internet, jesiġu li l-Ewropa jkollha s-sistemi u l-infrastruttura tagħha mġeddin u lesti għat-tranżizzjoni diġitali. Il-ħidma tal-Unjoni Ewropea fl-2022 se tkun qed issir fl-iżvilupp tas-servizzi diġitali, is-swieq diġitali u l-intelliġenza artifiċjali, il-ħarsien tad-data u l-komunikazzjoni sigura permezz tas-satelliti.

L-ekonomija Ewropea trid tkun ta’ benefiċċju għan-nies. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma impenjati li jappoġġjaw lill-Istati Membri jirkupraw mill-ħsara ekonomika u soċjali li ġabet il-pandemija u jiżguraw li dawk li jbatu l-faqar u dawk l-iktar vulnerabbli ma jaqgħux lura. Il-prijorità se tingħata lill-implimentazzjoni konkreta tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi tal-ħaddiema rġiel u nisa għall-istess xogħol, waqt li l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu aktar ġusti. Għandhom jittieħdu miżuri biex jissaħħaħ is-Suq Uniku u ż-Żona Schengen, flimkien mal-ġlieda kontra l-krimini finanzjarji, il-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.

L-Unjoni Ewropea trid tkun attur ewlieni u iktar effettiva fid-dinja. Il-pjanijiet huma li tissaħħaħ il-koperazzjoni ma’ pajjjiżi ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar, mal-Istati Uniti tal-Amerka, u s-sħubija mal-Afrika.

L-aħħar u mhux l-inqas, l-Ewropa trid tkun aktar demokratika billi jissaħħu l-valuri komuni li huma l-bażi tas-soċjetà Ewropea. Hawn tidħol il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-theddidiet għas-sigurtà tal-Istati Membri kemm fiżika u kemm ċibernetika. Mhux l-inqas trid tingħata importanza lir-riforma komprensiva u sistema komuni għall-migrazzjoni u l-ażil, li tjun umana u effiċjenti.

Il-bażi ta’ dak kollu li tagħmel l-Unjoni Ewropa fl-2022 hi li toħroġ iktar reżiljenti u ppreparata għal sfidi ġodda. Dan jista’ jseħħ jekk isiru żewġ affarijiet. L-ewwel nett billi l-Istati Membri jiġbdu ħabel wieħed, f’kemm jista’ jkun oqsma, kif urew fil-pandemija. It-tieni nett, iċ-ċittadini Ewropej għandu jkollhom iktar sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jingħatawlhom iktar għodda biex isemmgħu leħinhom. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija inizjattiva li se ttul sar-rebbiegħa din is-sena biex kull min jixtieq isemma’ leħnu dwar l-Ewropa li jixtieq jara fil-futur. L-aġenzija SEM se tkompli bl-attivitajiet marbuta ma’ din l-inizjattiva fix-xhur li ġejjin.

Aktar informazzjoni tinsab fil-websajt www.sem.gov.mt.