Protezzjoni aħjar għall-passiġġieri fl-Unjoni Ewropea

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Id-drittijiet tal-passiġġieri huma fil-qalba tal-politika tat-trasport u tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea. Wara l-esperjenzi ta’ ħafna nies fl-ivvjaġġar fl-aħħar sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tevalwa kif tista’ ttejjeb il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu d-drittijiet tal-passiġġieri, bil-għan li ssaħħaħhom, tissimplifikahom u tagħmilhom adattati għal kriżijiet fil-ġejjieni.

Ir-regolamenti eżistenti fl-Unjoni Ewropea jkopru l-modi kollha ta’ trasport u jikkonsistu f’liġijiet speċifiċi li jindirizzaw l-ivvjaġġar bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar, bix-xarabank u bil-kowċ. Il-Kummissjoni Ewropea kienet ħarġet dokument fl-2011 b’għaxar drittijiet ewlenin għall-passiġġieri. Dawn id-drittijiet huma bbażati fuq il-prinċipji tan-non diskriminazzjoni, l-informazzjoni korretta, fil-ħin u aċċessibbli, u l-assistenza immedjata u proporzjonali.

Iżda minkejja l-progress li sar biex dawn id-drittijiet jitħarsu, jibqgħu sfidi marbuta maċ-ċarezza, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dawn id-drittijiet.

Fl-2018, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri kienet irrakkomandat li ssir iktar armonizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. Barra minn hekk, f’rapport dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru waqt il-pandemija tal-COVID-19, il-Qorti Ewropea sejħet għal infurzar u protezzjoni aħjar tal-passiġġieri.

Fl-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, il-Kummissjoni Ewropea kkommettiet li tirrevedi r-regoli eżistenti biex dawn jilqgħu għal tfixkil li jista’ jinqala’ fl-ivvjaġġar fil-ġejjieni u jagħtu l-possibiltà ta’ biljetti li jistgħu jintużaw fuq modi differenti ta’ trasport. Barra minn hekk, id-drittijiet tal-ivvjaġġar għal persuni b’diżabilità u b’mobbiltà mnaqqsa huma wkoll indikati fl-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030.

Għaldaqstant, il-ħsieb tal-Kummissjoni Ewropea għar-reviżjoni tal-qafas regolatorju tad-drittijiet tal-passiġġieri, hu li ssaħħaħ u tissimplifika r-regoli eżistenti biex ikollna sistema ta’ drittijiet iktar armonizzata, waqt li tindirizza l-aspetti differenti tal-modi differenti ta’ trasport fl-Unjoni Ewropea.

Agħti Fehmtek
Permezz ta’ konsultazzjoni miftuħa, kull min jixtieq, jista’ jagħti l-fehma tiegħu għal din ir-reviżjoni fir-regoli tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri billi jwieġeb għal kwestjonarju online.

Il-konsultazzjoni tindirizza ħames temi ewlenin: it-tisħiħ tal-protezzjoni finanzjarja lill-passiġġieri bl-ajru biex tilqa’ għar-riskju ta’ kriżi ta’ likwidità jew insolvenza tal-linji tal-ajru; ir-rimbors lill-passiġġieri f’każ ta’ prenotazzjonijiet li jsiru ma’ bejjiegħa intermedjarji tal-biljetti; rimbors f’każ li passiġġieri jħassru l-prenotazzjoni f’każi ta’ pandemija jew diżastru naturali; id-drittijiet tal-passiġġieri marbuta ma’ vjaġġi b’modi differenti ta’ trasport; titjib fl-infurzar tad-drittijiet fil-modi kollha ta’ trasport.

Il-konsultazjoni hi indirizzata lill-passiġġieri u l-konsumaturi, inklużi gruppi vulnerabbli, passiġġeri b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa, l-industrija tal-ivvjaġġar, u awtoritajiet tal-infurzar.

Dawk interessati li jagħtu l-fehma tagħhom huma mistiedna jimlew il-kwestjonarju online sas-7 ta’ Diċembru 2022. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, organizzazzjonijiet u negozji huma mitluba jirreġistraw fir-Reġistru tal-UE dwar it-Trasparenza.

Għal iktar informazzjoni, jew biex tieħu sehem f’din il-konsultazzjoni u konsultazzjonijiet dwar temi oħra, tista’ żżur il-website ta’ SEM jew tibgħat email info.sem@gov.mt.