RePowerEU – il-Pjan tal-UE għat-trasformazzjoni tal-qasam tal-enerġija

Artiklu miktub minn Faith Spearing – Europe Direct Valletta

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

L-invażjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna, li ilha għaddejja għal aktar minn sena, ħalliet impatt qawwi fuq l-ekonomiji u s-soċjetà tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.

Kif rajna matul din l-aħħar sena, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija f’ħafna pajjiżi Ewropej ġiet mhedda minħabba d-dipendenza għolja tal-Ewropa fuq l-importazzjoni tal-gass, taż-żejt u tal-faħam mir-Russja. B’riżultat ta’ dan, ħafna konsumaturi Ewropej kellhom iħallsu prezzijiet ogħla għall-provvista tal-enerġija.

Għalhekk, waħda mill-prijoritajiet tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea minn meta faqqgħet l-invażjoni, kienet li jeliminaw gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-gass, taż-żejt u tal-faħam mir-Russja. Meta nikkunsidraw li sal-aħħar tas-sena 2021, l-Unjoni Ewropea kienet timporta madwar 40% tal-gass mir-Russja biss, dan fisser illi ambizzjoni bħal din teħtieġ pjan komprensiv, li l-Istati Membri kollha jistgħu jsegwu filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija f’pajjiżhom.

F’dan il-kuntest, fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pjan RePowerEU. Dan il-Pjan huwa msejjes fuq żewġ prijoritajiet. L-ewwel prijorità hija li qabel l-2030, l-Ewropa issir indipendenti mill-fjuwils fossili mir-Russja, possibilment sal-2027. It-tieni prijorità hija li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul ta’ żmien, billi l-provista tal-enerġija tkun kosteffettiva u sikura għall-Ewropa, waqt li tgħin biex tingħeleb il-kriżi tal-klima.

Sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ prijoritajiet, il-Pjan RePowerEU jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri li huma bbażati fuq tliet oġġettivi: id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija fl-Ewropa, il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u l-iffrankar tal-enerġija.

Il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa hjia pass essenzjali biex l-Unjoni Ewropea tnaqqas b’mod drastiku d-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi. Dan jeħtieġ espansjoni enormi tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mix-xemx u mir-riħ, sabiex tissostitwixxi l-biċċa l-kbira tad-domanda għall-gass. Għaldaqstant, f’Marzu li għadda l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea flimklien mal-mexxejja Ewropej qablu biex il-mira għal enerġija rinnovabbli fl-Unjoni tiżdied għal 45% sal-2030. Dan ifisser li permezz tal-Pjan RePower EU, sal-2030 is-sehem eżistenti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni Ewropea ser tirdoppja.

Naturalment, sakemm issir din it-tranżizzjoni minn gass għal enerġija rinnovabbli, xorta waħda jrid ikun hemm sforz sabiex l-Ewropa ma tibqax dipendenti fuq il-fjuwils fossili Russi u tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija. B’hekk bħala miżura immedjata, fl-2022 l-Unjoni Ewropea stabbiliet Pjattaforma għax-Xiri tal-Enerġija, simili għal dik li ntużat fi żmien il-pandemija għax-xiri konġunt tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Permezz ta’ din il-pjattaforma, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, partikolarment il-Kummissjoni Ewropea, iffaċilitat il-ftehim għax-xiri tal-gass u l-idroġenu għall-Istati Membri tagħha mal-esportaturi ewlenin fis-swieq globali. Din il-pjattaforma assigurat il-provvista tal-gass għall-Istati Membri matul ix-xitwa li għaddiet u l-pjan hu li matul din is-sena jkompli x-xiri konġunt tal-gass sabiex tkun assigurata l-ħażna għax-xitwa li ġejja.

Apparti d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u l-produzzjoni ta’ enerġija nadifa, fil-qalba tal-Pjan RePowerEU nsibu l-iffrankar tal-enerġija. Dan huwa l-aktar mod sikur u rħis kif nistgħu nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja b’mod immedjat. Dan għaliex ilkoll kemm aħna nistgħu nkunu involuti faċilment fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tagħna u flimkien mal-miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija, l-azzjonijiet individwali tagħna se jkollhom impatt pożittiv, billi jnaqqsu direttament il-kontijiet tagħna tal-enerġija u billi jagħmlu lill-ekonomija tagħna aktar reżiljenti.