SEM – Fondi Ewropej iktar aċċessibbli f’Malta u Għawdex

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Meta tisma’ bil-fondi tal-Unjoni Ewropea, ħafna drabi jiġuk f’moħħok proġetti infrastrutturali kbar, immexxija minn ministeri jew entitajiet tal-gvern. Għalhekk faċli tassoċja l-fondi Ewropej ma’ proċessi kumplikati u burokratiċi li diffiċli jintużaw minn organizzazzjonijiet żgħar jew individwi b’riżorsi limitati.

Filwaqt li huwa minnu li mhux dejjem hija biċċa xogħol sempliċi biex wieħed jaċċessa l-fondi tal-Unjoni Ewropea, għax wara kollox dawn huma flus pubbliċi, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tista’ tgħinek tissimplifika dan il-proċess. Kemm jekk organizzazzjoni pubblika jew privata, organizzazzjoni mhux governattiva, kunsill lokali, bidwi jew sajjied, SEM hija l-aġenzija tal-gvern li tagħmel il-benefiċċji tal-fondi tal-Ewropej iktar magħrufa u aċċessibbli.

Il-fondi tal-Unjoni Ewropea jipprovdu finanzjament għal firxa wiesgħa ta’ proġetti u programmi li jkopru diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp reġjonali, l-ambjent, l-għajnuna umanitarja, l-agrikoltura u s-sajd, fost ħafna oħrajn. Dan jippermetti li organizzazzjonijiet żgħar, negozji żgħar u ta’ daqs medju, organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, żgħażagħ, riċerkaturi, bdiewa, u sajjieda, biex insemmu xi ftit, japplikaw u jieħdu fondi għal proġetti żgħar u ta’ kull kwalità. Il-fondi tal-UE huma dejjem allokati skont prijoritajiet li l-UE tqis importanti għall-iżvilupp u l-progress armonizzat tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha.

Għaldaqstant, il-fondi tal-Unjoni Ewropea joffru numru kbir ta’ possibiltajiet u opportunitajiet għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet u tal-ambjent tagħna. Irrelevanti mid-daqs tagħhom, individwi u entitajiet għalhekk jistgħu japplikaw għall-fondi għal proġetti li kieku ma kinux ikunu possibbli.

Biex il-fondi tal-Unjoni Ewropea jintużaw bl-aħjar mod, SEM toffri servizz personalizzat b’xejn lil individwi jew entitajiet biex jiġu identifikati opportunitajiet ta’ finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, tassisti fil-kitba ta’ applikazzjoni kompetittiva u tipprovdi gwida waqt l-implimentazzjoni tal-proġett. B’hekk, SEM toffri servizz sħiħ lil dawk interessati jibbenefikaw – mill-istadju tal-applikazzjoni sal-implimentazzjoni.

Matul is-snin, l-aġenzija SEM għenet ħafna individwi u entitajiet biex japplikaw u jakkwistaw fondi tal-Unjoni Ewropea. Biex insemmu xi ftit, l-aġenzija assistiet u qed tassisti kunsilli lokali fi proġetti ta’ ġemellaġġ ta’ bliet u rħula, fl-iżvilupp ta’ ċentri u faċilitajiet għall-komunità, fir-rinnovament ta’ żoni pubbliċi bħal ġonna u bandli, u fil-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ għal toroq rurali. L-aġenzija assistiet ukoll żgħażagħ, studenti u għalliema biex iwettqu proġetti ta’ skambji taż-żgħażagħ fejn żgħażagħ minn pajjiżi differenti jiltaqgħu biex isiru jafu aħjar lil xulxin u biex jipparteċipaw flimkien f’numru ta’ attivitajiet. SEM għenet ukoll lill-każini tal-baned u għaqdiet kulturali biex itejbu l-faċilitajiet tal-każini tagħhom, jixtru strumenti mużikali, u jħaddnu l-kultura tal-lokalità tagħhom, filwaqt li assistiet ukoll organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ setturi differenti tas-soċjetà, bħal dawk involuti fl-isport, persuni b’diżabilità u gruppi vulnerabbli.

Billi l-fondi tal-Unjoni Ewropea huma fondi pubbliċi, individwi jew entitajiet li jakkwistaw fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom, jaqblu ma' sett ta' termini u kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti. Matul is-snin, SEM għen ukoll lil bosta individwi u entitajiet biex isegwu t-termini u l-kundizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett tagħhom, permezz ta’ gwida mfassla apposta. L-użu ta’ dan is-servizz ta’ appoġġ jiżgura li l-proġett jiġi implimentat b’suċċess u li jiġu evitati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità.

L-informazzjoni hija kruċjali wkoll fejn jidħlu organizzazzjonijiet u entitajiet interessati biex isiru jafu meta l-fondi tal-Unjoni Ewropea huma disponibbli għal proġetti partikolari. Fil-websajt tas-SEM – sem.gov.mt/open-calls – wieħed jista’ jsib l-opportunitajiet ta’ finanzjament li huma disponibbli bħalissa, inkluż deskrizzjoni zgħira ta’ dawn il-programmi ta’ finanzjament u għadd ta’ dokumenti informattivi dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti, b’mod partikolari.

Matul is-sena jiġu organizzati wkoll numru ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni biex jipprovdu informazzjoni dwar programmi u sejħiet speċifiċi ta’ finanzjament.

Diversi individwi u organizzazzjonijiet attendew ukoll sessjonijiet biex jifhmu aħjar il-proċess involut fil-kisba ta’ fondi u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

It-twettiq ta' proġetti bil-fondi tal-Unjoni Ewropea jibda bl-ewwel pass. Għal informazzjoni jew aktar għajnuna, ikkuntattja lil SEM fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew permezz tal-websajt sem.gov.mt.