SEM jgħin organizzazzjonijiet jakkwistaw fondi tal-UE għal proġetti fil-komunitajiet

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Malta u Għawdex huma miżgħuda b’eżempji ta’ wirt kulturali u storiku, minn knejjes u binjiet storiċi mogħnija b’oġġetti artistiċi, sa ġonna pubbliċi u rqajja’ naturali.

Għaldaqstant, il-ħarsien, il-promozzjoni u l-iżvilupp kontinwu ta’ dan il-patrimonju li jagħtina l-identità tagħna, huwa prijorità nazzjonali u huwa appoġġjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, fosthom mill-programm ta’ fondi LEADER. Dawn il-fondi huma mmirati lejn tliet reġjuni rurali li jinkludu 17-il lokalità fix-Xlokk ta’ Malta bħaż-Żurrieq u l-Qrendi, 16-il lokalità fil-Majjistral bħas-Siġġiewi u l-Mosta, u l-gżira kollha ta’ Għawdex.

Il-programm LEADER jagħmilha possibbli li jsiru proġetti minn organizzazzjonijiet volontarji, kunsilli lokali u f’xi każi, individwi, skejjel u negozji.

Matul is-snin, numru kbir ta’ organizzazzjonijiet fittxew u sabu l-assistenza ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) biex jiksbu fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġetti tagħhom. Din l-assistenza ssarrfet fost l-oħrajn biex jinkisbu fondi mill-programm LEADER għal proġetti li jippriservaw l-identità rurali u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. SEM għenet ukoll numru kbir ta’ organizzazzjonijiet fil-fażi tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti, billi ggwidathom kif għandhom jimxu mar-regoli u r-responsabbiltajiet marbuta mal-investimenti b’fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-parroċċa ta’ Marsaxlokk bħalissa għaddejja bir-restawr ta’ ostensorju (oġġett sagru li jintuża għall-espożizzjoni tal-ewkaristija) li għandu 120 sena, waqt li l-Banda ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq irrestawrat il-koppla unika tal-Każin. Diversi għaqdiet kulturali u mużikali investew f’tagħmir biex jintuża fl-attivitajiet tagħhom. Is-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr, pereżempju, ikkummissjonat pedestall u bradella għall-vara titulari u xtrat sett ta’ qniepen għall-banda.

Il-fondi tal-LEADER jintuża wkoll f’investimenti soċjali fil-komunitajiet lokali. Bħalissa, il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem qiegħed jimplimenta proġett biex jibdel ġnien pubbliku fi ‘Ġnien ta’ Tagħlim’. Dan se jkun spazju inklussiv li jservi biex it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu u jilagħbu waqt li jinteraġixxu mal-ambjent ta’ madwarhom. Il-proġett qiegħed isir mal-Birdlife u mal-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità.

Il-fondi tal-LEADER huma wkoll sors għall-investiment fl-iżvilupp ekonomiku. Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, bl-għajnuna ta’ SEM, ħoloq applikazzjoni (app) li tipprovdi informazzjoni siewja lill-viżitaturi dwar id-diversi siti kulturali fil-lokalità, biex jinġieb ‘il quddiem il-potenzjal turistiku. F’Għawdex, dawn il-fondi jistgħu jintużaw ukoll biex isiru proġetti li jġibu ‘l quddiem l-agrikoltura, il-prodotti u t-tradizzjonijiet tal-ikel Għawdxin.

L-ambjent ukoll huwa qasam ta’ investiment bi proġetti mill-fondi tal-LEADER. Is-Salesian Brigade pereżempju, sebbħet il-kwartieri tagħhom fil-Park tal-Majjistral bit-tħawwil ta’ arbuxelli u t-tisbiħ tal-ambjent tal-madwar.

Din is-sena, il-LEADER żdidulu l-fondi għal ftit iktar minn €2.3 miljun. Dawk li huma interessati li japplikaw huma mħeġġa jikkuntattjaw lil SEM għal iktar informazzjoni, kemm dwar il-programm LEADER u kemm dwar kif jistgħu japplikaw u kif jimplimentaw il-proġett ladarba jiksbu l-fondi. Il-kuntatti huma: bin-numru tal-telephone 2200 3300, bl-email info.sem@gov.mt jew mill-website www.sem.gov.mt.