SEM tappoġġja entitajiet biex jiksbu fondi tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Maniġer, Fondi tal-UE, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija aġenzija tal-gvern li tipprovdi informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, inklużi l-opportunitajiet varji ta’ fondi disponibbli. SEM toffri wkoll għajnuna lil entitajiet bla skop ta’ qligħ biex japplikaw għall-fondi u jwettqu l-proġetti li jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea.

Dan is-servizz jagħmilha iktar faċli lil entitajiet Maltin biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet li toffri s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Entitajiet li jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, hekk imsejħa ‘benefiċjarji’, jiffirmaw kuntratt mal-entità li timmaniġġja l-programm ta’ fondi li jkunu bbenefikaw taħtu. Il-benefiċjarji jkollhom numru ta’ kundizzjonijiet li jridu jirrispettaw taħt dan il-kuntratt.

Dawn jinkludu fost l-oħrajn ir-rappurtaġġ fuq il-progress tal-proġett, il-ħarsien ta’ proċessi trasparenti u ġusti fl-infiq tal-fondi u l-promozzjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea li bihom ikun sar il-proġett.

Wieħed mill-funzjonijiet tal-aġenzija SEM huwa li tassisti l-entitajiet jifhmu x’inhu mistenni minnhom taħt dan il-kuntratt, sabiex ikunu mgħarrfa dwar il-proċeduri korretti li għandhom isegwu.

Entitajiet tal-immaniġġjar tipikament jippubblikaw linji gwida u dokumenti informattivi dwar aspetti varji tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Għalkemm dawn ir-riżorsi jkunu disponibbli fuq is-siti ta’ dawn l-entitajiet stess, il-proċess li wieħed jiffamiljarizza ruħu ma’ dawn id-dokumenti, spiss mimlija b’termini tekniċi, jista’ jaqta’ qalb dak li jkun. L-assistenza ta’ SEM f’dan l-istadju tkun utli ħafna biex entità tifhem aħjar xi tkun trid tagħmel.

Benefiċjarji jistgħu jirrikorru għall-għajnuna minn SEM kemm għal mistoqsijiet individwali kif ukoll għall-għajnuna tul il-proġett kollu. B’hekk is-servizz huwa flessibbli u adattat għall-ħtiġijiet ta’ kull benefiċjarju. Entitajiet li ma jkunux ibbenefikaw mill-għajnuna ta’ SEM fil-proċess ta’ applikazzjoni għall-fondi jistgħu wkoll jagħmlu użu mis-servizz tal-aġenzija waqt l-implimentazzjoni tal-proġett.

L-Aġenzija SEM tista’ wkoll tiggwida benefiċjarji li jiltaqgħu ma’ xi intoppi waqt it-twettiq tal-proġett. Proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea jistgħu jtulu fuq medda ta’ xhur jew snin, skont il-kriterji tal-programm ta’ fondi li jkunu applikaw taħtu. Waqt l-implimentazzjoni jistgħu jfeġġu problemi varji bħal dewmien fl-implimentazzjoni jew il-bżonn li titbiddel entità msieħba fil-proġett.

Dawn it-tip ta’ tibdiliet huma suġġetti għal proċeduri fissi ta’ kif isiru talbiet lill-entità tal-immaniġġjar. Għaldaqstant, SEM tista’ tgħin lill-benefiċjarji sabiex jifhmu l-proċessi li għandhom jiġu applikati sabiex issir talba għall-emendi fil-kuntratt. dawn Dawn it-talbiet ikunu jistgħu jintlaqgħu mill-entità tal-immaniġġjar abbażi ta’ ġustifikazzjonijiet xierqa.

SEM għandha l-esperjenza u r-riżorsi, b’nies imħarrġa li jkunu jistgħu jiggwidaw lill- benefiċjarji dwar x’passi għandhom jittieħdu sabiex jibqgħu jiġu irrispettati l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tul il-proġett kollu.

Dan is-servizz ta’ assistenza huwa maħsub sabiex jiggwida benefiċjarji waqt il-proġetti tagħhom u jkun ta’ sostenn għal entitajiet li ma jkollhomx wisq esperjenza f’dan il-qasam.

Għal aktar tagħrif dwar fondi tal-Unjoni Ewropea u kif SEM tista’ tgħinek, tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300, info.sem@gov.mt jew billi żżur is-sit elettroniku tagħna sem.gov.mt.