Servizzi Ewropej f’Malta – pass ’il bogħod
Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont
It-twaqqif tal-aġenzija tal-gvern, Servizzi Ewropej f’Malta – SEM, ftit tal-ġimgħat ilu, sar biex jissaħħu s-servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini u organizzazzjonijiet ta’ kull tip biex jieħdu l-aħjar mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Wieħed mill-vantaġġi ewlenin tas-sħubija hu li pajjiżna jifforma parti minn suq wieħed ta’ 27 pajjiż Ewropew u madwar 500 miljun ċittadin. Is-Suq Uniku joffri ħafna opportunitajiet, imma jista’ jiġri li wieħed ma jkunx jaf fejn ifittex biex isib l-informazzjoni li għandu bżonn fis-sitwazzjoni li jkun fiha, jew f’dak li jkun jixtieq jagħmel għall-aħjar f’ħajtu u fil-proġetti li jkollu. Li tkun taf fejn issib l-informazzjoni li tkun relevanti għalik u xi proċeduri trid issegwi jaf ma jkunx faċli.
L-Aġenzija SEM tista’ tgħinek f’dan, għaliex waħda mill-funzjonijiet tagħha hu li tkun ta’ punt ta’ kuntatt f’materji relatati mal-Unjoni Ewropea, billi tipprovdilek l-informazzjoni li tkun teħtieġ, u jekk ikollok bżonn assistenza iktar speċjalizzata, tgħinek tasal skont iċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet tiegħek. SEM għandha uffiċjali mħarrġa u kuntatti, kemm lokalment u kemm fuq livell Ewropew permezz ta’ Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct li ilha tmexxi mill-2018 u li bħalu fl-Unjoni Ewropea jeżistu mal-400 ċentru ieħor. Dawn iċ-ċentri huma kofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea.
Għodda oħra li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jistgħu jużaw hija portal elettroniku, ‘Your Europe’, li fih wieħed jista’ jsib informazzjoni diġitali, 24 siegħa kuljum dwar drittijiet, obbligi, benefiċċji u opportunitajiet li għandhom x’jaqsmu mas-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea. Dan il-portal jintegra s-servizzi pubbliċi Ewropej u nazzjonali f’portal wieħed. Fil-portal tista’ tfittex informazzjoni u proċeduri meħtieġa, bħal dokumenti li tkun teħtieġ f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, dwar vjaġġar, xogħol u rtirar, vetturi, formalitajiet ta’ residenza, edukazzjoni u żgħażagħ, saħħa, familja, konsumaturi, biex tmexxi negozju, tassazzjoni, bejgħ fi Stati Membri oħra, konformità tal-prodotti, finanzjamenti u fondi, fost l-oħrajn. Il-portal fih ukoll sezzjonijiet dwar Brexit u dwar regoli u restrizzjonijiet fl-Istati Membri għall-ivvjaġġar waqt il-COVID.
Il-portal ‘Your Europe’ faċli ħafna biex tidħol fih, billi tfittex ‘Your Europe’ fl-internet u tagħżel il-lingwa li biha tixtieq l-informazzjoni, anki bil-Malti. Il-portal ġie aġġornat fl-aħħar xhur biex jipprovdi informazzjoni estensiva, dwar servizzi biex tgħix, taħdem, tistudja, jew tmexxi negozju fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-portal jidderiġik ukoll għal assistenza personalizzata minn entitajiet nazzjonali marbuta mat-tfittxija li tkun qed tagħmel.
Il-vantaġġi ta’ dan il-portal huma li inti tista’ ssib l-informazzjoni li tapplika fi Stati Membri oħra u li din l-informazzjoni tista’ toqgħod fuqha għax il-Kummissjoni Ewropea għamlet ċert li s-sorsi ta’ informazzjoni jkunu uffiċjali, verifikati, aġġornati u li ssibhom faċilment. Min juża ‘Your Europe’ ikun jista’ wkoll jagħti l-feedback dwar il-kwalità tal-informazzjoni u s-servizzi tal-portal.
Ta’ min jgħid ukoll li sal-aħħar tas-sena 2023, se jkun possibbli wkoll li permezz tal-portal ‘Your Europe’, 21 proċedura amministrattiva importanti jkunu diġitalizzati, bħal mili ta’ formoli elettroniċi u saħansitra se jkun possibbli l-iskambju awtomatiku ta’ dokumenti amministrattivi bejn l-awtoritajiet. Dan il-proċess mhux wieħed faċli u għalhekk qed jingħata aktar żmien biex isir, anki minħabba kwistjonijiet ta’ sikurezza u protezzjoni tad-data. Meta dan isir, huwa maħsub li wieħed ma jkollux għalfejn jibgħat ħafna formoli lil entitajiet differenti fi Stati Membri differenti, għax dawn jagħmilhom darba biss.
Min ikun jixtieq aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta jista’ jċempel 2200 3300, jew bl-email info.sem@gov.mt. Għal aktar informazzjoni dwar il-portal ‘Your Europe’ tista’ tikkuntattja lill-kordinatur nazzjonali ta’ dan il-portal, il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija fuq pdpid.mei@gov.mt.