Servizzi Ewropej f’Malta tappoġġja t-twettiq ta’ proġetti tal-UE fil-komunitajiet
Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt
Fis-snin li għaddew, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) għenet diversi organizzazzjonijiet u kunsilli lokali biex jiksbu fondi tal-UE għal proġetti ambjentali u kulturali b’risq il-komunitajiet f’Malta u f’Għawdex. SEM għenet lil dawn l-organizzazzjonijiet fil-proċess tal-applikazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom b’fondi Ewropej.
Wieħed mill-programmi ta’ fondi tal-UE popolari ma’ dawn l-organizzazzjonijiet hu l-LEADER, li hu maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp rurali fil-lokalitajiet. Dawn il-fondi jappoġġjaw proġetti fit-territorji tal-Majjistral, ix-Xlokk u Għawdex.
Riċentement infetħu l-applikazzjonijiet għal proġetti li jistgħu jitwettqu fit-territorju tal-Majjistral, li jkopri 11-il lokalità – L-Imtarfa, Ir-Rabat, Ħad-Dingli, Is-Siġġiewi, L-Iklin, Il-Mellieħa, In-Naxxar, San Pawl il-Baħar, Ħal Għargħur, L-Imġarr u s-Swieqi. Il-proġetti li jistgħu jiksbu finanzjament tal-UE huma fl-oqsma tal-ambjent u tal-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-kultura.
L-interventi fil-qasam ambjentali jiġu kofinanzjati minn ‘Miżura 4: L-iżvilupp ta’ infrastruttura ħadra’. Il-proġetti jridu jkunu maħsuba biex joħolqu spazji ħodor ġodda fil-lokalità permezz ta’ investimenti f’infrastruttura ħadra bħal pjanti u lqugħ li jgħinu fil-konservazzjoni tal-ambjent.
L-element kulturali tal-programm hu kopert minn tliet sejħiet għall-applikazzjonijiet: ‘Miżura 1: Ir-restawr ta’ siti u oġġetti ta’ valur artistiku u kulturali’; ‘Miżura 2: It-tisħiħ ta’ identità kulturali b’saħħitha’, u; ‘Miżura 3: Il-promozzjoni tal-patrimonju kulturali’. Dawn il-fondi jgħinu fl-investiment fil-komunità permezz tar-restawr ta’ siti kulturali differenti u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali.
Għaqdiet tal-banda, soċjetajiet mużikali u organizzazzjonijiet kulturali jistgħu japplikaw ukoll biex iwettqu proġetti infrastrutturali u biex jinxtara apparat ġdid.
SEM qiegħda hemm biex tassisti lil dawk l-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għal dawn il-fondi u biex tiffaċilita l-proċess. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jserrħu rashom li se jsibu l-għajnuna li għandhom bżonn biex japplikaw u biex jimplimentaw il-proġetti li jkunu kisbu l-fondi għalihom.
Fost il-ħafna organizzazzjonijiet li sabu l-għajnuna ta’ SEM fl-aħħar snin kienu s-Salesian Brigade, li applikaw b’suċċess għal proġetti b’finanzjament minn tliet Miżuri tal-LEADER. L-investimenti li għamlu kienu t-tħawwil ta’ siġar u pjanti, infrastruttura ħadra fil-kwartieri tal-organizzazzjoni fil-Park tal-Majjistral, l-istallazzjoni ta’ tabella diġitali interattiva u l-pubblikazzjoni ta’ ktieb b’informazzjoni dwar il-Park tal-Majjistral.
Għal iktar informazzjoni dwar il-fondi tal-LEADER, jew dwar fondi u materji oħra marbuta mal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattja lil SEM 2200 3300, info.sem@gov.mt, jew mill-website sem.gov.mt.