Servizzi Ewropej f’Malta tqarreb lejk il-fondi tal-UE

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Wieħed mir-raġunijiet ewlenin għaliex uħud jaqtgħu qalbhom milli jidħlu għal proġetti bil-fondi tal-Unjoni Ewropea huwa n-nuqqas ta’ għarfien u informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet. Għalkemm Malta ilha Stat Membru tal-UE għal 19-il sena, ħafna jsibuha diffiċli jifhmu kif jaħdmu l-fondi tal-UE, għaliex Malta tingħata daqstant ammont ta’ fondi u kif dak li jkun jista’ jibbenefika minnhom.

Waqt li fl-aħħar snin saru sforzi sinifikanti biex tingħata informazzjoni effettiva dwar il-fondi tal-UE lill-pubbliku, qatt ma jkun biżżejjed. B’riżultat ta’ dan, jinbtu ħafna ideat żbaljati dwar il-fondi tal-UE, fosthom li dawn jgħoddu għal ftit kategoriji ta’ nies u huwa diffiċli ħafna li wieħed jakkwista l-fondi għal xi proġett jew ieħor, anki minħabba l-burokrazija marbuta mal-fondi tal-UE.

Iżda l-aġenzija tal-gvern Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) qiegħda hemm proprju biex tagħmel il-fondi tal-UE iktar mifhuma u aċċessibbli. Sa mis-sena l-oħra, meta l-aġenzija ngħatat il-missjoni ewlenija li tiffoka aktar fuq il-fondi tal-UE, għandha żewġ għanijiet. L-ewwel li nagħmluha iktar faċli għall-organizzazzjonijiet u individwi li jibbenefikaw mill-fondi disponibbli. It-tieni, li kontinwament ninfurmaw lill-pubbliku, lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi dwar l-opportunitajiet ta’ fondi disponibbli.

Biex inwettqu dan b’mod effettiv, norganizzaw sessjonijiet ta’ informazzjoni, sessjonijiet ta’ taħriġ, nużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni, kemm dawk tradizzjonali u kemm dawk moderni, u ninfurmaw dwar sejħiet kurrenti għall-fondi permezz tal-website tagħna. Permezz ta’ dawn il-metodi, aħna nippruvaw infiehmu x’inhuma l-fondi tal-UE u kif jaħdmu. Għalkemm dawn l-inizjattivi huma importanti, mhumiex biżżejjed biex nilħqu l-iktar udjenza wiesgħa li nixtiequ.

Bħala SEM nemmnu bis-sħiħ fl-importanza li nżommu kuntatt dirett maċ-ċittadini b’attivitajiet li fihom niltaqgħu u nitkellmu man-nies li ġejjin minn ambjenti differenti u li għandhom bżonnijiet differenti skont l-istat tal-ħajja tagħhom.

L-aħħar attività li kellna kienet dik li tellajna nhar Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju quddiem il-bini tal-Parlament nazzjonali. Dakinhar urejna l-fondi differenti li jeżistu u ġibna flimkien entitajiet li joffru servizzi marbuta mal-UE fejn jidħlu drittijiet u obbligi marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea. Fost dawn kellna entitajiet tal-konsumatur, tas-saħħa, u tal-impjiegi u karrieri fl-UE. Din kienet opportunità għal kull min żarna biex isir jaf iktar dwar x’servizzi jeżistu, inkluż il-fondi tal-UE, biex Malta u l-Maltin jibbenfikaw aktar mis-sħubija fl-UE.

L-attività kienet imżewqa b’wirja ta’ mużika u koreografija mill-istudenti tal-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva u kwiżż għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji li matul is-sena jieħdu sehem fi Programm għal Studenti Ambaxxaturi tal-Parlament Ewropew. Il-kwizz serva biex l-istudenti juru x’tgħallmu matul is-sena b’mod divertenti.

Dawk li jixtiequ aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi tal-UE jew kif wieħed jista’ jakkwista l-fondi għal xi proġett partikolari, tistgħu tikkuntattjawna bl-email info.sem@gov.mt, jew bit-telefown 2779 7300. Wieħed jista’ wkoll jikkuntattjana permezz tas-sit elettroniku fondi.eu.