Skambji taż-Żgħażagħ b’fondi Ewropej
Artiklu miktub minn Darren Grasso – Kap tal-Fondi tal-UE, SEM
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont
Ħafna żgħażagħ ifittxu li jagħmlu ħbieb ġodda u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ oħrajn tamparhom. Permezz ta’ dawn l-esperjenzi, iż-żgħażagħ jitgħallmu mingħand xulxin u minn persuni ta’ esperjenza f’oqsma varji u jiddiskutu suġġetti li jinteressawhom. B’hekk ikomplu jikbru bħala persuni u jitgħallmu affarijiet ġodda. Iktar ma’ jitħalltu ma’ nies differenti, iktar jiġu esposti għal ideat diversi li jagħmlu l-ħajja iżjed interessanti.
L-Unjoni Ewropea (UE) tirrikonoxxi l-importanza ta’ dawn l-esperjenzi, tant li kull sena tinvesti eluf ta’ fondi biex jitwettqu proġetti ta’ skambji taż-żgħażagħ. L-għan tagħhom hu li jlaqqgħu żgħażagħ minn pajjiżi differenti biex isiru jafu lil xulxin aħjar u biex flimkien jipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet.
L-Erasmus+ huwa l-programm tal-UE li jiffokka fuq it-taħriġ, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-isport. Bejn l-2014 u l-2020 l-UE ddedikat baġit ta’ €14.7 biljun għal inizjattivi taħt dan il-programm. Għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027, l-UE ħasset il-ħtieġa li tinvesti iżjed fl-oqsma li jkopri dan il-programm u għaldaqstant, il-fondi investiti f’dan il-programm kważi rduppjaw għal €26.2 biljun.
Proġetti ta’ skambju taż-żgħażagħ huma fost l-opportunitajiet li joffri l-Erasmus+. Żgħażagħ li jieħdu sehem f’dawn il-proġetti jrid ikollhom bejn it-13 u t-30 sena u l-iskambju jista’ jdum bejn ħamest’ijiem u 21 ġurnata. F’dawn it-tip ta’ proġetti jridu jiġu involuti żgħażagħ minn żewġ pajjiżi jew iżjed.
Fost l-entitajiet eliġibbli għal proġetti bħal dawn insibu organizzazzjonijiet volontarji u oħrajn pubbliċi bħal kunsilli lokali. Gruppi informali taż-żgħażagħ jistgħu wkoll japplikaw biex iwettqu skambju taż-żgħażagħ. Il-grupp irid ikollu mill-inqas erba’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena. Wieħed mill-membri tal-grupp li għandu mill-inqas 18-il sena jrid jassumi l-irwol ta’ rappreżentant u jieħu r-responsabbiltà f'isem il-grupp.
Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija aġenzija tal-Gvern li tgħin diversi entitajiet biex japplikkaw u jwettqu proġetti b’fondi Ewropej. Organizzazzjonijiet jew żgħażagħ li huma interessati fi proġetti ta’ skambji taż-żgħażagħ jew kwalunkwe fondi Ewropej oħra għandhom javviċinawna sabiex jirċievu l-għajnuna kollha neċessarja biex jisottomettu applikazzjoni kompetittiva għall-fondi. Jekk il-proposta li jissottomettu tintgħażel, SEM tista’ tgħinhom ukoll biex jimplimentaw dak l-istess proġett.
Fil-passat kien hemm diversi entitajiet li rċivew l-assistenza ta’ SEM sabiex jakkwistaw fondi Ewropej għat-twettiq ta’ skambji taż-żgħażagħ. Fosthom nistgħu nsemmu lil Frame Football Malta u l-1st Qormi Scout Group taħt il-kappa ta’ The Scout Association of Malta. Dawn iż-żewġ entitajiet ibbenefikaw minn fondi Ewropej sabiex wettqu jew qed iwettqu esperjenzi bejn żgħażagħ lokali u oħrajn minn pajjiżi oħra bħall-Italja, is-Slovakkja u l-Polonja. Iż-żgħażagħ li jipparteċipaw f’dawn il-proġetti għandhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra minn pajjiżi diversi, jitkellmu fuq temi ta’ interess komuni u jipparteċipaw f’attivitajiet prattiċi.
It-tip ta’ assistenza li toffri SEM hija waħda ħolistika, hekk kif l-aġenzija tgħin l-applikant biex jiżviluppa l-idea tal-proġett u wara tingħata assistenza wkoll fil-mili tal-applikazzjoni u l-ġbir ta’ dokumenti li jkunu jridu jiġu sottomessi flimkien mal-applikazzjoni. Ladarba jgħaddi l-proġett, SEM imbagħad tkun tista’ tgħin l-entità biex twettaq il-proġett. Fost affarijiet oħra, tgħin il-benefiċjarju jifhem it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim li jrid jiġi ffirmat mal-operatur tal-fondi, tgħin fir-rapporti li jridu jiġu sottomessi waqt u fl-aħħar tal-proġett, u tiġbed l-attenzjoni għal ċertu riskji li jkunu jridu jiġu indirizzati biex jiġu evitati problemi iżjed tard fil-proġett. Din l-assistenza kollha tingħata bla ħlas.
Id-data ta’ skadenza li jmiss biex entitajiet eliġibbli jew gruppi informali taż-żgħażagħ japplikaw għal proġetti ta’ skambji taż-żgħażagħ taħt l-Erasmus+ hija l-4 ta’ Ottubru. Din l-opportunità tibqa’ disponibbli wkoll is-sena d-dieħla b’dati ta’ skadenzi ġodda.
Għal aktar informazzjoni dwar l-Erasmus+ jew fondi oħra tal-UE, tista’ tikkuntattja lil SEM fuq info.sem@gov.mt jew permezz tal-website sem.gov.mt.