Skema ta’ €15-il miljun għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

L-iskema finanzjata minn fondi tal-Unjoni Ewropea, li ħarġet din is-sena, isservi ta’ inċentix biex jinxtraw vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku. B’finanzjament tal-€15-il miljun, l-iskema ta’ Transport Malta tgħin fl-investiment f’karozzi tal-passiġġieri, vannijiet, vetturi tat-tagħbija, minibuses, coaches, kwadriċikli, muturi u pedelecs ġodda li jaħdmu bl-elettriku.

L-għan tal-iskema hu li jitnaqqas in-numru ta’ vetturi qodma konvenzjonali mit-toroq tagħna, billi jinxtraw vetturi li jniġġsu ħafna inqas. Minħabba li l-vetturi elettriċi ma’ jdaħħnux waqt li jkunu fit-triq, titjieb ħafna l-kwalità tal-arja.

L-iskema hija miftuħa għall-applikazzjonijiet minn individwi, għaqdiet volontarji u entitajiet li jaħdmu bi qligħ. L-applikanti jistgħu jkunu individwi li jgħixu f’Malta jew entitajiet reġistrati f’Malta. Għaldaqstant, din il-firxa wiesgħa ta’ applikanti li huma eliġibbli għall-iskema, tagħti aktar possibiltà li jsiru investimenti f’vetturi elettriċi minn individwi u entitajiet, bir-riżultat aħħari li jittejjeb l-impatt ambjentali pożittiv permezz tal-iskema.

L-allokazzjoni ta’ €15-il miljun ta’ din l-iskema hija parti minn ammont ta’ €50 miljun mogħtija lill-Malta fuq tliet snin mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Is-sena l-oħra, ġew allokati €15-il miljun oħra u l-€20 miljun li jibqa’ jkunu disponibbli għal skema oħra s-sena d-dieħla.

L-ammont li jingħata lill-applikanti jiddependi minn diversi fatturi, li jinkludu t-tip ta’ vettura jew vetturi li jinxtraw u jekk l-applikant hux individwu jew entità li tagħmel, jew ma tagħmilx qligħ. Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu wkoll l-ammont ta’ fondi li jingħataw, għalkemm għaqdiet volontarji u entitajiet bi qligħ jistgħu jagħżlu li japplikaw taħt ir-Regolamenti De Minimis jew ir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (GBER).

L-għotja tikludi wkoll skema għall-iskrappjar ta’ vetturi li għandhom ‘il fuq minn 10 snin mis-sena ta’ manifattura. Dan il-fattur jintitola lill-applikanti għal għotjiet ogħla. Dan l-inċentiv jibda minn €500 għal muturi u sa massimu ta’ €26,000 għat-trakkijiet.

L-informazzjoni dwar din l-iskema u l-formola ta’ applikazzjoni jinsabu fis-sit elettroniku ta’ Transport Malta.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija aġenzija tal-gvern li tassisti fejn jidħlu l-fondi Ewropej. L-aġenzija tgħin individwi u organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għall-fondi, billi tgħinhom jifhmu aħjar il-kriterji tal-iskema u kif timtela applikazzjoni li tista’ tibbenefika mill-fondi, inkluż id-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża.

Ladarba jingħataw il-fondi, SEM tista’ tgħin ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti.

Għal iktar informazzjoni dwar kif SEM tista’ tgħinek, tista’ ċċempel 2779 7300, tibgħat email info.sem@gov.mt jew tidħol fil-website sem.gov.mt.