Business Breakfast: Insaħħu d-Djalogu Soċjali f’Malta

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) applikat b’suċċess biex timplimenta proġett b’fondi Norveġiżi taħt il-programm, ‘Djalogu Soċjali – Xogħol Diċenti’. L-għan tal-proġett kien li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’Malta.

Il-qofol tal-proġett kien studju komparattiv tal-mudell tad-djalogu soċjali mħaddem fin-Norveġja u f’Malta. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju ġew preżentati lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, responsabbli mid-djalogu soċjali, u lir-rapppreżentanti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili.

Il-proġett kien jikkonsisti f’dan li ġej:

  1. Laqgħa ma’ tliet imsieħba soċjali fin-Norveġja (Norwegian Confederation of Trade Unions; Confederation of Norwegian Enterprise; Norwegian Association of Local and Regional Authorities). Fil-laqgħa ngħatat informazzjoni dwar kif jaħdem il-mudell Norveġiż tad-djalogu soċjali u eżempji prattiċi ta’ kif jitħaddem.
  2. Studju ta’ riċerka u pubblikazzjoni ta’ rapport li elenka u qabbel is-sitwazzjoni kurrenti tad-djalogu soċjali f’Malta u fin-Norveġja u jagħti rakkomandazzjonijiet biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali f’Malta.
  3. Promozzjoni tal-proġett fil-mezzi ta’ komunikazzjoni.
  4. Seminar aħħari għall-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili f’Malta li fih ġew preżentati l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet mis-Sur Lawrence Zammit, MISCO Consulting, li wettaq l-istudju komparattiv.

Fil-bidu tal-laqgħa, il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon spjegat fiex kien jikkonsisti l-proġett u tkellmet dwar is-sehem tal-Aġenzija SEM fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’Malta. Hija qalet li SEM hija entità governattiva ewlenija li għandha bħala funzjoni prinċipali t-tixrid tal-informazzjoni dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea.

Hija qalet ukoll li mit-twaqqif tal-aġenzija, abbażi ta’ studju mal-partijiet konċernati, inħass il-bżonn li l-laqgħat ta’ diskussjoni li torganizza l-aġenzija fuq diversi temi li qed jiġu diskussi fuq livell Ewropew, ikunu aktar iffukati u skont il-proposti li jkunu qed jiġu ppreżentati. B’hekk ir-rwol ta’ SEM jibqa’ li d-diskussjonijiet fuq diversi livelli ta’ politiki u ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jkunu jirriflettu l-interessi tal-korpi kostitwiti Maltin, tal-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u entitajiet pubbliċi u privati biex jifhmu aħjar kif jolqtuhom proposti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea. B’hekk huma jkunu jistgħu jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea. L-aġenzija tipparteċipa wkoll f’laqgħat tal- Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali meta jiġu diskussi materji relatati mal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Carmelo Abela, fid-diskors tiegħu, tkellem dwar il-bidliet li saru fuq diversi livelli biex isaħħu u jġibu ‘l quddiem id-djalogu soċjali f’Malta. Huwa qal li f’kuntrast mal-mudell Norveġiż, id-djalogu soċjali f’Malta huwa wiesgħa ħafna għaliex jinkludi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u wkoll għaliex is-suġġetti li jiġu diskussi huma wiesgħa ħafna. Dwar id-djalogu soċjali li joħroġ mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, huwa ħeġġeġ biex minbarra l-affiljazzjonijiet tal-imsieħba soċjali f’fora Ewropej, jiżdied is-sehem f’diskussjonijiet li torganizza SEM dwar proposti ta’ politika u leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, il-pożizzjoni li jieħu pajjiżna ma tkunx waħda reattiva imma li tipproponi ideat għad-deċiżjonijiet li tieħu l-Unjoni Ewropea fil-futur.

Diveri parteċipanti li ħadu sehem tkellmu dwar is-sehem tal-organizzazzjonijiet tagħhom f’fora nazzjonali bħalma hu l-MCESD u tal-Unjoni Ewropea bħalma hu l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ġie suġġerit li s-soċjetà ċivili tkun rappreżentata aktar fil-livelli differenti tad-djalogu soċjali, li jiġu diskussi modi kif għandu jkun il-mudell ta’ tkabbir ekonomiku fil-futur biex ikun wieħed sostenibbli u li jinvolvi lill-partijiet kollha, u li waqt li d-djalogu soċjali jaħdem tajjeb ħafna fi żminijiet ta’ kriżi, għandu jkun aktar effettiv fejn jidħlu diskussjonijiet dwar materji kurrenti fi żminijiet meqjusa normali.


Gallery