L-Ewropa li Nixtieq: Għalija u għall-Komunità li ngħix fiha

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija inizjattiva li qiegħda ssir fl-Ewropa kollha, biex kull min jixtieq, jagħti l-opinjoni, l-ideat u s-suġġerimenti dwar kif jixtieq li tkun l-Ewropa fis-snin li ġejjin.

F’Malta u Għawdex, l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u entitajiet oħrajn qegħdin jippromwovu din l-inizjattiva u jorganizzaw attivitajiet biex ħafna nies jgħidu tagħhom dwar kif jixtiequ jaraw l-Ewropa fil-futur.

F’attività li saret fis-Sala Juventutis Domus fiż-Żejtun, il-preżentatriċi Clare Agius iddiskutiet temi differenti mal-futur tal-Ewropa, ma’ diversi rappreżentanti ta’ għaqdiet li ġejjin minn setturi differenti.

Għal-laqgħa kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, li semgħu x’kellhom xi jgħidu l-parteċipanti, biex il-fehmiet tagħhom jiġu inklużi mal-feedback li qiegħed jinġabar u jitressaq fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Fil-laqgħa pparteċipaw rappreżentanti ta’ għaqdiet li jaħdmu f’diversi setturi, b’mod partikolari dawk taż-żgħażagħ, l-inklużjoni ta’ persuni vulnerabbli, il-ħarsien tal-wirt kulturali u l-ħajja soċjali fil-komunità.

L-ideat u s-suġġerimenti li ntqalu jistgħu jinġabru kif ġej:

  • Fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika, l-Unjoni Ewropea għandha tadotta iktar l-istil ‘minn isfel għal fuq’ (bottom up);
  • Titnaqqas iktar il-burokrazija fejn jidħlu l-fondi Ewropej waqt li l-fondi reġjonali għal proġetti lokali jmorru direttament għand l-amministrazzjonijiet fir-reġjuni;
  • Jitwaqqfu ċentri li fihom iż-żgħażagħ, ikunu jistgħu jitgħallmu ħiliet ġodda;
  • Jitwaqqfu skemi ta’ fondi f’ammonti żgħar ħafna, li bl-inqas burokrazija jagħmluha aktar faċli li għaqdiet taż-żgħażagħ jesperimentaw u jitgħallmu kif iwettqu proġetti akbar.
  • L-Unjoni Ewropea għandha tiddedika aktar fondi għal setturi soċjali, li jmorru direttament f’għajnuna lil individwi li jgħixu weħidhom fost l-oħrajn;
  • Jinħtieġ tingħata aktar importanza lill-edukazzjoni vokazzjonali u ta’ taħriġ, b’iktar tagħlim tas-snajja’, biex jintlaħqu dawk li ma jridux jiffukaw fuq l-edukazzjoni akkademika;
  • Jiġu appoġġjati għaqdiet involuti fl-attiviżmu taż-żgħażagħ u fl-implimentazzjoni ta’ skambji, li minnhom iż-żgħażagħ Ewropej jitħalltu aktar u jitgħallmu aktar minn xulxin;
  • L-Unjoni Ewropea għandha tindirizza aktar l-impjiegi li huma mħallsa l-inqas, għax dan iżid iċ-ċans li jikber ir-razziżmu.

Kemm il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM u kemm il-Ministru Abela intervjenew matul id-diskussjoni biex iċċaraw xi punti fejn kien meħtieġ u rreferew għal servizzi u għajnuniet li diġà jeżistu f’Malta.

Mandy Falzon tkellmet dwar is-servizzi ta’ SEM, b’mod partikolari fejn jidħlu l-applikazzjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ proġetti b’fondi tal-Unjoni Ewropea. Is-servizz personalizzat u professjonali jagħmilha aktar faċli għal għaqdiet b’riżorsi limitati li jwettqu l-proġetti b’risq il-komunità.

Il-Ministru Carmelo Abela, fost l-interventi tiegħu aċċenna għall-iskop ta’ attivitajiet bħal din li l-iskop tagħhom hu li nressqu l-Unjoni Ewropea aktar viċin in-nies. Waqt li indirizza liż-żgħażagħ preżenti, ħeġġiġhom jibqgħu joħolmu, imma wkoll ifittxu fejn jistgħu jsibu l-għajnuna biex il-ħolm tagħhom iwettquh.

Agħti l-Fehma Tiegħek
Kull min jixtieq iressaq l-ideat u s-suġġerimenti dwar il-futur tal-Ewropa, jista’ jinqeda bi Pjattaforma Diġitali f’24 lingwa, inkluż il-Malti. Il-pjattaforma tagħtik il-possibiltà li tikteb l-ideat tiegħek, tikkummenta fuq ideat ta’ oħrajn, u tieħu sehem f’attivitajiet organizzati, kemm f’Malta u kemm f’pajjiżi oħra. Tista’ ssemma’ leħnek fuq xi suġġett li tixtieq - l-ambjent u t-tibdil fil-klima, is-saħħa, l-immigrazzjoni, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-ekonomija u anki saħansitra kif għandha titmexxa l-Unjoni Ewropea.

Fuq livell Ewropew, l-ideat u s-suġġerimenti qegħdin jiġu diskussi f’sessjonijiet imsejħa plenarji u panels taċ-ċittadini. Il-ħsieb hu li sal-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, jinġabru l-konklużjonijiet li jfasslu t-triq ‘il quddiem għall-Unjoni Ewropea.


Gallery