L-Ewropa li Nixtieq: Għalija u għall-Komunità li ngħix fiha

L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u entitajiet oħrajn qegħdin jippromwovu l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa f’Malta u Għawdex, permezz ta’ attivitajiet li jagħtu l-opportunità lil kull min jixtieq jagħti l-ideat u s-suġġerimenti dwar kif jixtieq jara l-Ewropa fil-futur.

L-attività li jmiss se toħodna l-Mosta, nhar il-Ħamis 27 ta’ Jannar fis-Sala tal-Kunsill Lokali, Livell 2, Ċentru Ċiviku, Triq il-Kostituzzjoni u tibda fis-6 ta’ filgħaxija.

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija inizjattiva li qiegħda ssir fl-Ewropa kollha, biex kull min jixtieq, jagħti l-opinjoni, l-ideat u s-suġġerimenti dwar kif jixtieq li tkun l-Ewropa fis-snin li ġejjin.

Permezz ta’ Pjattaforma Diġitali f’24 lingwa, inkluż il-Malti, għall-ewwel darba fuq livell Ewropew, din il-pjattaforma tagħtik il-possibiltà li tressaq l-ideat tiegħek, tikkummenta fuq ideat ta’ oħrajn, u tieħu sehem f’attivitajiet organizzati, kemm f’Malta u kemm f’pajjiżi oħra. Tista’ ssemma’ leħnek fuq xi suġġett li tixtieq - l-ambjent u t-tibdil fil-klima, is-saħħa, l-immigrazzjoni, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-ekonomija u anki saħansitra kif għandha titmexxa l-Unjoni Ewropea.

Fuq livell Ewropew, l-ideat u s-suġġerimenti qegħdin jiġu diskussi f’sessjonijiet imsejħa plenarji u panels taċ-ċittadini, bil-ħsieb li jinġabru l-konklużjonijiet li jfasslu t-triq ‘il quddiem għall-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.

F’din id-diskussjoni miftuħa li se titmexxa mill-preżentatriċi Clare Agius, kull min jiġi jkun jista’ jagħti l-opinjoni dwar xi suġġett b’rabta mal-Unjoni Ewropea.

Il-parteċipazzjoni f’din id-diskussjoni hija biss permezz tar-reġistrazzjoni, bl-email info.sem@gov.mt jew bit-telephone 2200 3300, minħabba r-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa, marbuta ma’ attivitajiet fi gruppi. Kull min jieħu sehem irid jippreżenta ċ-ċertifikat validu tat-tilqima tal-COVID-19.