Opportunitajiet ta’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Rurali

Sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar Miżuri 4.1, 4.4 u 8.5 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali

Nhar l-Erbgħa u l-Ħamis 29 u 30 ta’ Marzu, id-Diviżjoni għall-Fondi u l-Programmi fil-Ministeru responsabbli għall-Fondi Ewropej u Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) organizzaw żewġ laqgħat ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ fondi għall-bdiewa, ir-raħħala, intrapriżi, kunsilli lokali u NGOs fost l-oħrajn.

Matul dawn il-laqgħat, li saru f’Malta u f’Għawdex, uffiċjali tad-Diviżjoni taw iktar informazzjoni u wieġbu mistoqsijiet tal-parteċipanti dwar is-sejħiet għall-applikazzjonijiet miftuħa bejn it-3 ta’ April u nofsinhar tat-2 ta’ Ġunju 2023.

Uffiċjali minn SEM taw ukoll informazzjoni dwar is-servizzi li toffri l-Aġenzija u kif dawk interessati li japplikaw jistgħu jiġi megħjuna.

Is-sejħiet huma dawn:

Sotto-Miżura 4.1: Appoġġ għal Investimenti f'Azjendi Agrikoli
Din is-sejħa hija maħsuba biex tappoġġja investimenti f’sistemi u tagħmir fir-rigward tal-ġestjoni tal-ħamrija, il-ġbir u l-użu tal-ilma, l-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-iskart, u effiċjenza mtejba tal-użu u l-kontroll tal-fertilizzanti u l-pestiċidi. L-għan aħħari ta’ din is-sejħa huwa li ttejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tal-azjendi agrikoli.

Sotto-Miżura 4.4: Appoġġ għal investimenti mhux produttivi
Din is-sejħa hija maħsuba biex tappoġġja investimenti mhux produttivi li ma jiġġenerawx qligħ iżda għandhom impatt ambjentali pożittiv. Taħt din is-sejħa ser tingħata prijorità lil investimenti mhux produttivi li jikkontribwixxu għar-restawr tal-abitati u l-pajsaġġi, il-konservazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni tal-ilma, fosthom il-ħitan tas-sejjieħ.

Sotto-Miżura 8.5: Appoġġ għal investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti
Din is-sejħa hija maħsuba biex tappoġġja investimenti li jtejbu l-ekosistemi tal-afforestazzjoni, titjib tal-kumditajiet pubbliċi u ġestjoni tal-pajsaġġ, fost l-oħrajn.

Aktar informazzjoni dwar dawn il-miżuri, inklużi n-noti gwida u l-applikazzjoni jinsabu f’din il-paġna.

Dawk li jkunu jixtiequ l-assistenza ta’ SEM jistgħu jibagħtu email fuq info.sem@gov.mt jew iċemplu 2779 7300.


Gallery