Tnedija tal-programmi operattivi tal-fondi Ewropej għal Malta għas-snin 2021-2027

Fit-23 ta’ Jannar 2023, tnidew il-programmi operattivi tal-fondi Ewropej għal Malta għas-seba’ snin bejn l-2021 u l-2027.

L-allokazzjoni finanzjarja għal Malta tilħaq is-somma ta’ €2.2 biljun u kienet negozjata mill-Gvern Malti u maqbula fil-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2020. Dan il-Ftehim ta’ Sħubija jipprovdi d-direzzjoni strateġika għal diversi programmi ta’ fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Soċjali Ewropew +, il-Politika Agrikola Komuni u l- Fond Ewropew għall-Marittimu, is-Sajd u l-Akkwakultura.

L-investiment li se jsir b’dawn il-fondi fis-snin li ġejjin għandu jwassal biex l-ekonomija f’Malta u Għawdex issir aktar kompetitittiva, sostenibbli, reżiljenti, u soċjali.

It-tnedija saret mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Maria Ferreira, fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

Dawn il-fondi ser ibiddlu lil Malta b’mod tanġibbli għad-deċenju li ġej, permezz ta’ aktar investiment fl-ekonomija ta’ pajjiżna sabiex din issir aktar b’saħħitha u aktar moderna, biex tkun aktar innovattiva u aktar kompettitiva. Dawn il-fondi ser jgħinu wkoll sabiex Malta tersaq aktar lejn it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, u fejn ħadd ma’ jitħalla jaqa’ lura.

Fost il-prijoritajiet ta’ dawn il-programmi operattivi, jispikkaw il-pjanijiet għal-investimenti f’Għawdex, fir-reżiljenza tas-saħħa pubblika u fis-saħħa mentali permezz ta’ sptar ġdid, fl-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, fir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll fit-titjib tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna, u fil-biedja u sajd, b'enfasi fuq iż-żagħżagħ f’dawn is-setturi. Se jsiru wkoll proġetti ta’ investiment f’siti ta’ Natura 2000, f’aktar parks u ġonna għall-familji, fl-immaniġġjar tal-ilma u f’miżuri għal arja iktar nadifa, fosthom proġetti ta’ ‘shore-to-ship’ u interconnector ġdid bejn Malta u Sqallija.

Kemm jekk b’mod dirett jew indirett, dawn il-fondi Ewropej ser jgħinu sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajja ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi.

Waqt it-tnedija tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Parlamentari Bonett ħabbar ukoll li SEM se tkun qiegħda sservi ta’ ‘one-stop-shop’ billi tassisti lil dawk kollha li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi, bl-informazzjoni dwar skemi miftuħa, applikazzjoni għal proġetti u għajnuna teknika waqt l-implimentazzjoni tagħhom.

Ġiet imnedija wkoll website ġdida ‘fondi.eu’ li fiha wieħed isib l-informazzjoni meħtieġa b’rabta mal-Fondi Ewropej.


Gallery