Diskussjoni – Il-Futur tax-Xogħol fl-Unjoni Ewropea għal soċjetà iktar ġusta

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – it-tielet laqgħa

B’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) u Europe Direct Valletta organizzaw it-tielet diskussjoni pubblika minn serje ta’ laqgħat bit-tema, ‘L-Ewropa li nixtieq’. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija inizjattiva li qiegħda ssir matul din is-sena fl-Ewropa kollha, biex ċittadini minn kull qasam tal-ħajja jagħtu l-opinjoni u jaqsmu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar kif jixtiequ li jkun il-futur tal-Unjoni Ewropea.


Id-diskussjoni ffukat fuq l-implikazzjonijiet tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali fl-Unjoni Ewropea fid-dinja tax-xogħol. Fost dawn insibu l-kundizzjonijiet tal-impjiegi, il-bżonn ta’ iktar taħriġ u taħriġ f’ħiliet ġodda, iktar għarfien dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, l-ugwaljanza, u aktar ħidma biex kull ħaddiem jaħdem fi swieq li joffru impjiegi bi ħlas xieraq għal livell ta’ għajxien diċenti u ta’ kwalità.


Dawn it-temi huma fl-aħħar mill-aħħar is-sisien li fuqhom hu mibni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, imfassal fuq għoxrin prinċipju differenti, maħsuba biex ikollna Unjoni Ewropea aktar ġusta u inklussiva.


Is-suġġett ġie indirizzat minn dawn il-kelliema: Liam Axisa (Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ); Josef Bugeja (General Workers Union); Joseph Farrugia (Malta Employers Association); Esmeralda Micallef Zarafa (Lino Spiteri Foundation); Alfred Grixti (Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali); Josef Vella (Union Ħaddiema Magħqudin - Voice of the Workers); Diane Vella Muscat (Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol).


Fil-laqgħa pparteċipaw ukoll il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, u l-MPE Josianne Cutajar, li flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SEM semgħu dak li kellhom xi jgħidu l-kelliema biex ikunu jistgħu jressqu l-ideat u s-suġġerimenti fil-proċess tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.


Fid-diskussjoni ħareġ li l-ħaddiema għandu jkollhom it-taħriġ meħtieġ biex ikunu mħejjija għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fl-Unjoni Ewropea. Il-ħaddiema u min iħaddem għandhom iwieġbu għall-isfidi li qiegħda ġġib magħha din it-trasformazzjoni permezz tal-innovazzjoni u l-kwalità, waqt li tibqa’ tkun garantita u tissaħħaħ il-protezzjoni soċjali kemm għalihom, għall-familji tagħhom u l-bqija tas-soċjetà. B’hekk ikun żgurat li t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ssir f’kuntest fejn l-impjiegi, il-ħiliet, l-innovazzjoni u l-protezzjoni soċjali, jimxu id f’id, kemm għal dawk li huma fid-dinja tax-xogħol u kemm għal dawk li mhumiex.


Dawn li ġejjin kienu xi punti li tqajmu mill-kelliema:

  • Irridu Unjoni Ewropea li tassigura li l-impjiegi tal-futur ikollhom il-protezzjoni meħtieġa bis-salvagwardja u t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
  • It-titjib fil-ħiliet għandu jkun importanti daqs it-titjib fl-infrastruttura, it-teknoloġiji u l-proċessi li jwieġbu għall-esiġenzi tas-suq tax-xogħol u tal-konsumaturi. Din għandha tkun parti mill-kultura u l-mentalità tal-kumpaniji.
  • L-impjiegi tal-futur għandu jkollhom iktar flessibiltà, imma mhux fil-kundizzjonijiet.
  • 65% tal-impjiegi se jkunu jeħtieġu xi forma ta’ ħiliet fit-teknoloġija u għalhekk, l-edukazzjoni għandha tkun indirizzata għal din il-ħtieġa.
  • Għandna nerġgħu niffukaw fuq it-taħriġ fis-snajja’.
  • L-Unjoni Ewropea għandha tinvesti aktar fis-servizzi soċjali u tagħti iktar importanza lill-professjonijiet tal-kura. Ma nistgħux ninvestu fihom b’kemm ngħaddu.
  • Waqt li l-possibiltà tax-xogħol remot għandha tapplika kemm għas-settur pubbliku u kemm dak privat, id-drittijiet tas-saħħa u s-sigurtà għandhom ikunu applikati wkoll għal dawn il-forom ġodda ta’ impjiegi.
  • Fejn jidħol ir-right to disconnect, il-monitoraġġ tal-ħaddiema għandu jsir b’mod meqjus billi niffukaw fuq ix-xogħol innifsu u mhux fuq il-ħaddiem, fuq il-produttività u mhux bil-kejl falz tal-produttività, jiġifieri li min jimpjega joqgħod għassa ta’ x’qed jagħmlu l-ħaddiema.
  • Kull pajjiż għandu jara li s-sistema edukattiva tassigura li kull student għandu l-bażi b’saħħitha li tiggarantixxi t-tħejjija xierqa u meħtieġa għall-esiġenzi tal-futur.
  • Fil-liġijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha tara mhux biss li dawn jiġu applikati fl-Istati Membri, imma tevalwa kemm dawn il-liġijiet qegħdin jilħqu l-għanijiet li għalihom saru.
  • It-triq ‘il quddiem għall-Unjoni Ewropea hi li f’dak kollu li tagħmel tkun iffukata fuq il-persuna, fejn it-teknoloġija sservi lill-bniedem u mhux lilha nfisha. Fil-qasam tax-xogħol dan ifisser li l-ħaddiema jkollhom xogħol dinjituż u li ma jkunux sfruttati.

Is-Segretarju għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, fir-rimarki tal-għeluq tad-diskussjoni qal li dak li jseħħ fil-futur jiddependi minn dak li jsir illum u għaldaqstant għandu jiġi żgurat li fit-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali ħadd ma jaqa’ lura. Għandu jkun żgurat, pereżempju, li ma tikbirx il-qasma diġitali li diġà teżisti. Pajjiżna se jkun qiegħed jinvesti mill-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew+ fit-taħriġ tal-ħiliet. Huwa qal ukoll li jixtieq jara Unjoni Ewropea li tiġġieled kull forma ta’ sfruttament.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Ministru, Carmelo Abela, fir-rimarki tiegħu qal li waqt li l-Unjoni Ewropea għandha regoli u liġijiet tajbin, trid dejjem tara kif dawn ikunu effettivi fil-ħajja ta’ kuljum u li dejjem jgħollu l-kwalità tal-ħajja, mingħajr kompromess ma’ regoli u drittijiet ta’ pajjiżi u kontinenti oħra barra minnha. Qal ukoll li fejn jidħol pajjiżna se nkunu qegħdin inħejju flimkien mal-imsieħba soċjali liġi ġdida tax-xogħol, li twieġeb għall-esiġenzi u l-bidliet tas-suq tax-xogħol ta’ għada. L-esperjenza turi li kull meta naħdmu flimkien jirbaħ kulħadd – il-pajjiż, l-impjegati u min iħaddem. Huwa għalaq billi qal li l-futur tal-Unjoni Ewropea jiddependi minn kemm il-bniedem ikun fiċ-ċentru ta’ dak kollu li jsir.

Kull min jixtieq jikkontribwixxi bl-ideat dwar suġġetti marbuta mal-futur tal-Unjoni Ewropea jista’ jidħol direttament fil-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, jew jibgħat il-kontribut tiegħu bil-miktub lil info.sem@gov.mt.