Jum l-Ewropa – 9 ta’ Mejju 2022
Attività pubblika bis-sehem ta’ entitajiet li joffru servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea u studenti
Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) u Europe Direct Valletta ħejjew programm varjat għall-pubbliku u għall-istudenti biex ifakkru Jum l-Ewropa f’Misraħ il-Ħelsien, il-Belt Valletta. L-attivitajiet ittellgħu bil-kollaborazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, bis-sehem ta’ numru ta’ entitajiet li joffru servizzi relatati mal-Unjoni Ewropea.
Dan il-jum importanti fil-kalendarju tal-Unjoni Ewropea jfakkar li 72 sena ilu nżegħet iż-żerriegħa tal-proġett Ewropew b’viżjoni għall-futur tal-Ewropa bħala proġett ta’ paċi u għaqda. Din is-sena, iktar minn snin oħra, it-tema tal-paċi spikkat aktar minn snin oħra, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Fiera taċ-Ċittadini
14-il entità li joffru servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea f’Malta u Għawdex ipprovdew informazzjoni lill-pubbliku dwar il-benefiċċji tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Dawn kienu: SEM/Europe Direct Valletta/EU Careers; ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta; l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta; l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil; European Employment Services (EURES); il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (Horizon Europe); l-Aġenzija tal-Programmi tal-UE (EUPA) u l-Aġenzija Żgħażagħ; id-Diviżjoni għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni; SOLVIT Malta; iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur; Entitlement Unit (Ministeru għas-Saħħa); URBACT; Euroguidance Malta.
Attivitajiet għall-istudenti
Studenti ta’ Year 9 u 10 minn sitt skejjel sekondarji (Kulleġġ San Nikola, Skola Sekondarja Ħad-Dingli; Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja Ħal Kirkop; Kulleġġ Marija Reġina, Skola Sekondarja Mosta; Kulleġġ Santa Klara Skola Sekondarja Pembroke; Kulleġġ San Tumas More Skola Sekondarja Sta Luċija; Kulleġġ Santa Margerita, Skola Sekondarja Verdala, Bormla) kienu rappreżentati waqt l-attivitajiet ta’ Jum l-Ewropea u ppreżentaw xogħlijiet artistiċi marbuta ma’ żjajjar li għamlu fl-aħħar ġimgħat f’siti ta’ proġetti li qegħdin isiru b’fondi Ewropej (proġett tal-Fakultà tal-Media & Knowledge Sciences fl-Università biex jagħmlu 3D-mapping tal-gżejjer Maltin; proġett tal-Wasteserv li bidel Wied Fulija minn miżbla għal park; proġett ta’ Heritage Malta biex jikkonservaw u jirrestawraw l-armerija tal-Palazz tal-Gran Mastri fil-Belt Valletta).
Iż-żjajjar kienu parti minn inizjattiva ‘L-UE fl-iskola tiegħi’ li qiegħda ssir fl-UE kollha u li f’Malta qiegħda tkun organizzata bejn id-Diviżjoni għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, SEM u Europe Direct Valletta. L-iskop kien li l-istudenti jkollhom esperjenza ta’ dak li tagħmel l-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tagħha f’pajjiżhom. Matul iż-żjajjar, uffiċjali ta’ SEM akkumpanjaw lill-istudenti biex jagħmlu esperjenza tal-proġetti, ikunu jafu aktar dwar l-iskop u kif jintefqu l-fondi tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna u wkoll dwar xi tfisser is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Wara ż-żjara tagħhom, l-istudenti ġew mistiedna jieħdu sehem f’kompetizzjoni ta’ tpinġija li biha jfissru b’mod artistiku dak li esperjenzaw. Il-kompetizzjoni jisimha, ‘L-Ewropa tiegħi, Malta tiegħi, il-Futur tiegħi’ u l-aħjar tmien sottomissjonijiet ġew esibiti fl-attività pubblika ta’ Jum l-Ewropa.
L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta organizzaw ukoll kwizz għal studenti minn skejjel post-sekondarji li matul is-sena jieħdu sehem fi programm tal-Parlament Ewropew għal studenti ambaxxaturi fl-iskejjel fl-Unjoni Ewropea. Il-programm hu maħsub biex iqajjem għarfien dwar id-demokrazija u l-valuri Ewropej, waqt li jgħin lill-istudenti jifhmu aktar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u kif ikunu aktar ċittadini attivi fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea.
Konferenza tal-Aħbarijiet
L-attivitajiet ingħalqu b’konferenza tal-aħbarijiet minn SEM, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju ta-Parlament Ewropew f’Malta u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Dr Chris Bonett.
L-Onor. Chris Bonett ippreżenta plakek kommemorattivi lill-iskejjel li ħadu sehem fl-inizjattiva, ‘My Europe, My Malta, My Future’.