L-Ewropa li Nixtieq - Għalija u għall-Komunità li ngħix fiha
Diskussjoni fil-Mosta dwar il-Futur tal-Ewropa
Numru ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet volontarji u tas-soċjetà ċivili ħadu sehem fit-tieni diskussjoni mis-sensiela, ‘L-Ewropa li nixtieq, għalija u għall-komunità li ngħix fiha’. Din id-diskussjoni, li saret fis-sala tal-Kunsill Lokali tal-Mosta hija waħda mill-attivitajiet organizzati minn Servizzi Ewropej f’Malta u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Dawn il-laqgħat qegħdin jiġu organizzati f’lokalitajiet differenti biex ikun aktar faċli li persuni minn oqsma differenti jieħdu dehem u jressqu l-ideat u s-suġġerimenti tagħhom dwar aspetti li jixtiequ li l-Unjoni Ewropea tindirizza fis-snin li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija SEM, Mandy Falzon tkellmet dwar l-għam ewlieni tal-Konferenza li jinstemgħu l-opinjonijiet u l-ideat ta’ kemm jista’ jkun nies minn setturi differenti dwar kif jixtiequ li tkun l-Unjoni Ewropea fil-futur. Dan jista’ jsir kemm permezz tas-sehem f’laqgħat bħal dawn, imma wkoll permezz ta’ Pjattaforma Diġitali f’24 lingwa, inkluż il-Malti. Permezz ta’ din l-għodda diġitali, kulħadd jista’ jressaq l-ideat u jikkummenta fuq ideat ta’ oħrajn dwar suġġetti bħall-ambjent u t-tibdil fil-klima, is-saħħa, l-immigrazzjoni, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-ekonomija u anki saħansitra kif għandha titmexxa l-Unjoni Ewropea.
Fuq livell Ewropew, l-ideat u s-suġġerimenti qegħdin jiġu diskussi f’sessjonijiet imsejħa plenarji u panels taċ-ċittadini, bil-ħsieb li jinġabru l-konklużjonijiet li jfasslu t-triq ‘il quddiem għall-Unjoni Ewropea, bil-konklużjonijiet jinġabru sal-aħħar tar-Rebbiegħa.
Il-parteċipanti f’din id-diskussjoni tkellmu dwar suġġetti differenti u taw l-opinjoni tagħhom kif ġej:
- L-ambjent u t-tibdil fil-klima għandhom ikunu prijorità għal kull Ewropew, biex l-Ewropa jkollha futur aħjar mil-lum. Imma biex dan iseħħ għandu jkollna sens ta’ komunita waħda li taħdem għal għanijiet komuni.
- L-integrazzjoni għandha tkun prijorita għall-UE, biex fid-diversità u l-multikulturaliżmu toħroġ is-sbuħija tal-Ewropa. Għaldaqstant għandhom jiġu organizzati iktar laqgħat li jġibu flimkien nies ta’ kulturi differenti.
- L-Unjoni Ewropea għandha tkun iktar realistika meta tiġi għad-diversità u tirrispetta l-kulturi u t-tradizzjonijiet differenti ta’ pajjiżi differenti. It-tendenza ta’ ‘one-size-fits-all’ m’għandhiex tkun ir-regola li timxi biha għax inkella ma tkunx Unjoni jekk tfittex li l-Uniformità. Meta tfasslu d-Direttivi dwar l-abitat u l-għasafar u materji oħra, kienu applikaw korrettement il-prinċipju ta’ Unjoni billi daħħlu d-derogi li jittrattaw pajjiżi differenti skont il-kulturi u t-tradizzjonijiet tagħhom. Issa m’għadux isir hekk u dan ħażin. F’dan is-sens, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tittratta lill-pajjiżi ż-żgħar b’mod diskriminatorju għax huma żgħar.
- L-attitudni ta’ ‘one-size-fits-all’ qiegħda turta ħafna nies. Fil-każ tad-direttiva dwar il-plastik li jintuża darba, u direttivi simili, pereżempju, l-ewwel irid jittieħed kont u jsiru studji dwar l-infrastruttura u r-riżorsi tal-pajjiż, u kif dawn jolqtunies differenti f’sitwazzjonijiet differenti. Kumpaniji kbar u pajjiżi kbar ma jistgħux jiġi trattati daqs kumpaniji u pajjiżi żgħar. Il-kalkoli ma jistgħux isiru fuq il-pajjiżi l-kbar u jiġu applikati għal kulħadd l-istess.
- Fl-UE għandu jkun hem iktar aċċess għal żgħażagħ ġejjin minn ambjenti diffiċli u żvantaġġjati biex huma wkoll jesprimu l-ideat tagħhom u jingħataw opportunitajiet biex huma wkoll isemmgħu leħinhom dwar il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Hekk għandha tkun prattikata l-inklużjoni soċjali.
- L-UE għandha tinvesti aktar fis-saħħa u b’mod partikolari fis-saħħa mentali taż-żgħażagħ.
- L-investiment li għandha tagħmel l-UE fil-qasam tas-saħħa għandu jkun fl-għajnuna konkreta u finanzjarja lill-NGOs biex jgħinu lill-istat jasal iktar għand il-pazjenti, għaliex huma iktar viċin tagħhom mill-istat, waqt li huma jkunu jafu x’inhuma l-bżonnijiet ta’ mard u kundizzjonijiet partikolari. Ir-riżultat ikun li l-istat jiffranka ħafna flus, waqt li l-NGOs ikollhom riżorsi biex jaħdmu.
- F’soċjetà li dejjem qed tixjieħ aktar, l-UE għandha tagħti iktar attenzjoni lill-anzjani u l-bżonnijiet tagħhom.