L-Ewropa li Nixtieq: Nipproteġġu u nippromwovu l-valuri Ewropej

Diskussjoni b’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

B’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-Aġenzija SEM organizzat it-tieni laqgħa pubblika minn serje ta’ diskussjonijiet bit-tema, ‘L-Ewropa li nixtieq’. F’dawn il-laqgħat qegħdin jiġu diskussi temi li se jikkontribwixxu għat-tfassil tal-futur tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.   

Dawn il-laqgħat huma intiżi biex ċittadini minn kull qasam tal-ħajja jagħtu l-opinjoni, jaqsmu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar kif jixtiequ li jkun il-futur tal-Unjoni Eworopea f’dawn l-oqsma.

Panel ta’ kelliema f’oqsma differenti minn Għawdex iddiskutew il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri Ewropej mal-ġurnalist ta’ TVM, Mario Xuereb fis-sala tal-esibizzjonijiet fiċ-Ċittadella. Il-kelliema kienu dawn: Dr Sean Zammit (Association for Gozitan Employees in Malta); Mario Borg (Gozo Regional Development Authority); Eric Grech (Gozo University Group); Daniel  Borg (Gozo Business Chamber); il-MPE Josianne Cutajar (S&D); Dr Samuel Azzopardi (Membru fil-Kumitat tar-Reġjuni); Dr Elena Grech (Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f‘Malta).

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Onor. Carmelo Abela u l-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon segwew id-diskussjoni biex il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minnha jiġu rappurtati lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. 

Id-diskussjoni ffukat fuq it-triq ’il quddiem fejn jidħol it-tisħiħ tal-valuri Ewropej tad-demokrazija, is-solidarjetà, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali. Dawn kienu l-konklużjonijiet ewlenin li ħarġu:

  • L-Unjoni Ewropea għandu jkollha valur wieħed – it-tolleranza – mhux biss tal-opinjonijiet, imma li tara li titwettaq l-inklussività fil-prattika. Waqt li saru avvanzi kbar, l-Unjoni Ewropea għandha tara li f’dak kollu li tagħmel jitħares il-ġid komuni, mhux tal-maġġoranza, imma tal-minoranzi kollha li jeżistu.
  • Waqt li element essenzjali li jagħmilna Ewropej huma d-drittijiet f’kull qasam, għandu jiġi żgurat li dawn ma jibqgħux fuq il-karta, imma li jissarrfu konkretament f’ġid effettiv.
  • L-ekonomija m’għandhiex tkun l-għan aħħari tal-politiki tal-Unjoni Ewropea, imma l-ekonomija għandha tissarraf f’ġid soċjali.
  • L-UE għandha tagħti iktar attenzjoni lill-ħtiġijiet tal-pajjiżi li huma fil-periferija, li huma żvantaġġjati f’ħafna aspetti meta mqabbla ma’ pajjiżi li huma konnessi b’ħafna modi, waqt li pajjiżna huwa limitat għall-ivvjaġġar bl-ajru u bil-baħar. Min-naħa l-oħra, pajjiżna għandu jisfrutta l-opportunitajiet li se ġġib magħha t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, li jistgħu jnaqqsu dawn l-iżvantaġġi u joħorġu aktar il-potenzjal tal-gżejjer.
  • Biex il-proġett Ewropew jirnexxi, l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tapplika l-politiki u l-liġijiet tagħha għal kulħadd bl-istess mod, imma trid tqis is-sitwazzjonijiet partikolari tal-gżejjer.
  • Iċ-ċittadini Ewropej iridu jaraw aktar azzjonijiet konkreti li jmissu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum, bħal pereżempju paga minima aktar diċenti, għaliex huma dawn il-każi fejn tidħol is-solidarjetà fil-prattika.
  • Huwa tajjeb li l-ħaddiema u ż-żgħażagħ ikollhom l-opportunitajiet li jtejbu l-futur tagħhom, imma mhux kulħadd hu żagħżugħ jew ħaddiem.

Meta mistoqsija fejn jixtiequ li jaraw l-Unjoni Ewropea għaxar snin oħra, il-kelliema semmew: l-attenzjoni ewlenija għall-ambjent; l-involviment konkret ta’ kull pajjiż biex kulħadd jerfa’ l-piż tal-immigrazzjoni; Ewropa tolleranti f’kull sens u fil-konkret; Ewropa ġusta, ħanina, tolleranti u solidali, li tisma’, tevalwa u tattwa; Ewropa li tagħti l-poter f’idejn in-nies; Ewropa li tagħti każ tal-gżejjer.

Il-Ministru Carmelo Abela, fir-rimarki tiegħu fit-tmiem tal-laqgħa, tkellem dwar l-importanza li l-valuri Ewropej jitħaddnu mill-pajjiżi u ċ-ċittadini kollha. Qal li rridu li jkollna Ewropa li tikkonċentra fuq il-bżonnijiet tan-nies, u li kulħadd jaħdem għalihom. Speċifikament għamel referenza għall-valur tas-solidarjetà li mhux dejjem jitħaddem fil-prattika mill-pajjiżi kollha.

Kull min jixtieq jikkontribwixxi bl-ideat dwar suġġetti marbuta mal-futur tal-Unjoni Ewropea jista jidħol direttament fil-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, jew jibgħat il-kontribut tiegħu bil-miktub lil info.sem@gov.mt.