#noħlomlixidarba: Ktieb ġdid dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea

Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta, għat-tieni sena konsekuttiva żviluppaw ktieb bil-Malti dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea.

Il-ktieb, immirat għal żgħażagħ ta’ 14 u 15-il sena, huwa bbażat fuq 10 stejjer fittizji u qosra dwar il-ħajja ta’ kuljum ta’ grupp ta’ ħbieb li jgħixu fl-istess blokka ta’ appartamenti.

Il-ħila tal-awtriċi, Clare Azzopardi, twassal lill-qarrejja biex faċilment jidentifikaw lilhom infushom mal-karattri tal-istejjer tal-ktieb, bil-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom. L-istejjer huma mżewqa b’illustrazzjonijiet dwar il-karattri tal-istejjer minn Naomi Gatt.

Kull storja, li hi marbuta ma’ karattru partikolari, toħroġ valuri marbuta mal-Unjoni Ewropea, li l-karattri nfushom jemmnu bis-sħiħ fihom u lesti jaħdmu biex iwettquhom f’ħajjithom, flimkien ma’ sħabhom.

Il-ħsieb ewlieni wara l-istejjer tal-ktieb hu li fl-Unjoni Ewropea, iż-żgħażagħ isibu l-appoġġ biex iwettwu l-ħolm tagħhom, kemm għalihom infushom u kemm għall-ġid tas-soċjetà li jgħixu fiha. Biex ngħinu lill-qarrejja jaslu għal dan, wara kull storja, il-qarrejja jsibu paġna illustrata bi kwotazzjoni, referenza u ħolqa bi QR code għal iktar tagħrif dwar dak li twettaq l-Unjoni Ewropea fil-qasam partikolari li joħroġ mill-istorja.

Il-ktieb tnieda f’attività li ttellgħet apposta fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela.

Flimkien mal-awtriċi, tliet studenti mill-Iskola Sekondarja tal-Mosta, Kulleġġ Marija Reġina - Mariah Bonnici, Ilona Schembri u Ailey Incorvaja - qraw siltiet mill-ktieb. Huma kienu akkumpanjati mill-għalliema EliClare Mikkelsen. Fit-tnedija tal-ktieb, ingħaqdu b’mod virtwali żewġ klassijiet mill-istess skola, immexxija mill-Kap tal-iskola, Gaetano Bugeja.

Il-ktieb se jitqassam lill-istudenti ta’ Years 10 u 11 fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.

Dawk interessati jaqraw il-ktieb fil-verżjoni diġitali jistgħu jidħlu hawn https://sem.gov.mt/latest-updates/publications.

Se jkollna wkoll xi kopji stampati. Min jixtieq jakkwista kopja jista’ jibagħtilna email info.sem@gov.mt.

 

“Int toħlom?
Mhux għall-ħolm ta’ billejl qed ngħid imma għal dak ta’ binhar? Toħlom li xi darba...? Dawn l-istejjer juru x-xewqat u l-ħolm ta’ grupp ta’ żgħażagħ li huma ħbieb.
X’jixtiequ jsiru la jikbru? Kif jixtiequ jibdlu l-pajjiż? X’jixtiequ jagħmlu
għall-ambjent? X’aspirazzjonijiet għandhom?
U dan il-ħolm jista’ jitwettaq? Xi ftit minnu jista’ u forsi xi ftit ieħor, le.
L-istejjer ilaqqgħukom ma’ żgħażagħ mimlijin enerġija, altruwiżmu, umiltà, ħolm u empatija. Fuq kollox, ilaqqgħukom ukoll ma’ wħud mill-valuri tal-Unjoni Ewropea.”

Clare Azzopardi, Awtriċi