Opportunitajiet ta’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Rurali

Opportunitajiet ta’ fondi għall-bdiewa, ir-raħħala, azjendi agrikoli, kunsilli lokali u NGOs fost l-oħrajn

Il-Ministeru responsabbli għall-Fondi Ewropej għadu kemm ħareġ is-sejħiet għall-applikazzjonijiet taħt tliet sottomiżuri tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020.

Is-sejħiet huma dawn:

Sottomiżura 4.1: Appoġġ għal investimenti f'azjendi agrikoli
Din is-sejħa hija maħsuba biex tappoġġja investimenti f’sistemi u tagħmir għall-ġestjoni tal-ħamrija, il-ġbir u l-użu tal-ilma, l-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-iskart, u effiċjenza mtejba tal-użu u l-kontroll tal-fertilizzanti u l-pestiċidi. L-għan aħħari ta’ din is-sejħa huwa li ttejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tal-azjendi agrikoli.

Aktar informazzjoni dwar din il-miżura, inklużi n-noti gwida u l-applikazzjoni jinsabu f’din il-paġna.

Sottomiżura 4.4: Appoġġ għal investimenti mhux produttivi
Din is-sejħa hija maħsuba biex tappoġġja investimenti mhux produttivi li ma jiġġenerawx qligħ iżda għandhom impatt ambjentali pożittiv. Taħt din is-sejħa ser tingħata prijorità lil investimenti mhux produttivi li jikkontribwixxu għar-restawr tal-abitati u l-pajsaġġi, il-konservazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni tal-ilma, fosthom il-ħitan tas-sejjieħ.

Aktar informazzjoni dwar din il-miżura, inklużi n-noti gwida u l-applikazzjoni jinsabu f’din il-paġna.

Sottomiżura 8.5: Appoġġ għal investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti
Din is-sottomiżura għandha l-għan li tipprovdi l-opportunitajiet meħtieġa għat-titjib tal-bijodiversità ta’ Malta permezz ta’ diversi azzjonijiet. Għaldaqstant, taħt din il-miżura ser jingħata appoġġ għal investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti. Eżempji ta’ azzjonijiet li jistgħu jkunu eliġibbli taħt din l-iskema huma dawk li jtejbu l-kumditajiet pubbliċi u dawk li jtejbu l-afforestazzjoni, bħal pereżempju, tħawwil ta' siġar/arbuxelli, it-tneħħija ta' speċi invażivi/aljeni, u faċilitajiet ta' protezzjoni u investimenti relatati.

Aktar informazzjoni dwar din il-miżura, inklużi n-noti gwida u l-applikazzjoni jinsabu f’din il-paġna.

Dawn is-sejħiet huma miftuħa bejn it-3 ta’ April u t-2 ta’ Ġunju 2023 f’nofsinhar.

Kull min jixtieq l-assistenza ta’ SEM għal aktar tagħrif jew għajnuna fl-applikazzjoni jista’ jibgħat email fuq info.sem@gov.mt jew iċempel fuq 2779 7300.