Unjoni Ewropea tas-Saħħa

Diskussjoni b’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Fil-15 ta’ Settembru, SEM u Europe Direct Valletta organizzaw diskussjoni pubblika dwar il-futur tal-qasam tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea.

Din kienet l-ewwel minn serje ta’ laqgħat bit-tema, ‘L-Ewropa li Nixtieq’, sabiex jiġu diskussi numru ta’ suġġetti li se jikkontribwixxu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Dawn il-laqgħat huma intiżi biex ċittadini minn kull qasam tal-ħajja jagħtu l-opinjoni tagħhom u jaqsmu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar kif jixtiequ li jkun il-futur tal-Unjoni Ewropea f’dawn l-oqsma.

 

Fid-diskussjoni, immexxija minn Mario Xuereb, ġurnalist ta’ TVM, ħadu sehem numru ta’ kelliema li jaħdmu f’xi qasam jew ieħor tas-saħħa: Gertrude Buttigieg (Malta Health Network); Dr Stefan Buttigieg (Digital Health Malta); Daniela Calleja-Bitar (Richmond Foundation); Dr Chris Barbara (Direttur, Dipartiment tal-Patoloġija); Dr John Cachia (Kummissarju għas-Saħħa Mentali); Samantha Pace-Gasan (Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità); Michelle Galea (Entitlement Unit, Ministeru għas-Saħħa). Kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela.

 

Waqt id-diskussjoni, saret referenza għal diversi inizjattivi u kisbiet li saru fl-aħħar snin mill-Unjoni Ewropea u li Malta bbenefikat minnhom bħala Stat Membru. Għaldaqstant, il-futur tas-saħħa għandu jkompli jibni u jsaħħaħ fuq dak li diġà nkiseb.

 

It-temi li ġew diskussi jorbtu mal-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, it-titjib fil-prevenzjoni, it-trattament u l-kura għal mard transfruntier, it-tagħmir tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri biex jipprevjenu u jindirizzaw aħjar il-pandemiji futuri, u t-tisħiħ tal-kordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Membri biex jindirizzaw aħjar theddidiet komuni.

 

Kemm il-kelliema u kemm il-parteċipanti onlajn qajmu diversi punti dwar id-direzzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea:

  • Is-saħħa, inkluża s-saħħa mentali, għandha tidħol fil-politiki kollha tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri. Kull deċiżjoni f’kull settur tal-ħajja għandha tkun ibbażata fuq is-saħħa bħala l-bażi ta’ kollox.
  • Il-pazjenti għandhom ikunu fiċ-ċentru u inklużi fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar saħħithom.
  • Il-bżonn ta’ aktar investiment fit-tkabbir tal-ħiliet tal-professjonisti u l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.
  • Iktar aċċess għas-saħħa diġitali, kemm f’apparat u kemm fl-għarfien ta’ x’servizzi jeżistu u kif jintużaw. Għandha tingħata għajnuna biex it-teknoloġija tintuża aktar u b’mod aħjar, l-iktar minn persuni li m’għandhomx il-ħiliet kif jużawha, jew m’għandhomx l-aċċess għaliha.
  • Jiġi studjat kif jistgħu jissaħħu u jitwessgħu l-benefiċċji tal-kura tas-saħħa transfruntiera.
  • Il-pandemija wriet il-bżonn ta’ iktar aċċess għall-informazzjoni u l-aċċess għas-saħħa bħala dritt fundamentali.
  • It-tkabbir tal-għarfien dwar id-drittijiet tal-pazjenti b’mod ħafif u li jinftiehem mill-pazjenti li ħafna drabi ma jifhmux il-kliem tqil u kumplikat tal-liġijiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea jew tal-professjonisti.
  • Bżonn li nindirizzaw iktar l-iżolament u n-nuqqas ta’ ħila (helplessness) quddiem sitwazzjonijiet bħall-pandemija.
  • Irridu naraw kif nindirizzaw aħjar lil dawk li fil-pandemija ma ħadux is-servizzi li kellhom bżonn, jew li kellhom jitwarrbu minħabba l-pandemija (eż. L-iskrining tal-kanċer).
  • Il-finanzjament tas-saħħa m’għandux ikun biss għall-mediċini u l-kura, imma wkoll biex applikazzjonijiet tas-saħħa diġitali jkunu aċċessibbli u mhux bi ħlas. Dan jagħmilha iktar faċli biex in-nies jindirizzaw aspetti ta’ saħħithom bħall-piż żejjed.
  • Ikun faċilitat iktar li l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jogħla l-livell tal-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u jogħlew l-istandards.
  • Jiġi studjat kif is-sistemi tas-saħħa jkunu aktar sostenibbli.
  • Attenzjoni iktar lit-tfal u l-futur tagħhom, li tilfu ħafna mill-pandemija u l-effetti fuqhom se jkunu akbar u aktar fit-tul.
  • Aktar investiment fil-prevenzjoni, għax din tagħti aktar riżultati effettivi fit-tul ta’ żmien. Dan jgħodd ukoll għas-saħħa mentali.
  • Jidħol id-dritt tal-għażla u aċċess għal trattament u informazzjoni fi u minn Stati Membri oħra, l-iktar fl-oqsma tad-diżabilità u mard rari.
  • Iktar inizjattivi biex is-servizz tas-saħħa jmur direttament għand il-pazjent fejn jgħix.
  • Nindirizzaw il-litteriżmu fis-saħħa billi jiġu megħjuna aktar l-NGOs li jaħdmu fis-settur u li huma riżors importanti minħabba l-qrubija tagħhom ma’ persuni li jbatu minn kundizzjonijiet tas-saħħa partikolari.

Il-Ministru Carmelo Abela, li sema’ d-diskussjoni u l-interventi li saru, fil-konklużjonijiet tiegħu saħaq dwar l-importanza li npoġġu lill-pazjenti iktar fiċ-ċentru tas-servizzi tas-saħħa billi nirrikonoxxu li pazjenti differenti għandhom bżonnijiet differenti, kemm jekk diġitali u oħrajn. Dan jista’ jsir billi nużaw sistemi differenti ta’ kif jintlaħqu u x’servizz jingħatalhom. Huwa qal li għandna nkomplu nibnu fuq dak li tgħallimna mill-pandemija, b’mod speċjali fejn tidħol il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri li rnexxiet ħafna fix-xiri tat-tilqim u li dan għandu jitwessa’ għal każijiet oħra, bħal pereżempju l-mard rari.

Kull min jixtieq jikkontribwixxi bl-ideat dwar il-futur tal-qasam tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea jista’ jidħol direttament fil-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fit-tema tas-saħħa, jew jibgħat il-kontribut tiegħu bil-miktub lil info.sem@gov.mt