‘Mas-Siġra tal-Ballut’ – Ktieb għat-tfal dwar l-Unjoni Ewropea

Il-ktieb 'Mas-Siġra tal-Ballut' hu mqassam fi tliet partijiet u jibda bi storja ta’ Trevor Żahra dwar il-ħajja ta’ kuljum ta’ grupp ta’ annimali. L-ors, il-brimba, is-serp, il-qanfud u l-ġojjin jafu sew lil xulxin u jitkellmu dwar dak li jgħaddu minnu. L-iktar ħaġa li tinkwetahom hi li ħafna drabi ma jħalluhomx jgħixu fil-kwiet. Huma jafu li l-ors mhux il-brimba, u l-qanfud mhux il-ġojjin, daqskemm mhumiex is-serp! Huma differenti ħafna minn xulxin, kif jimxu u jiċċaqilqu minn post għal ieħor, x’jieklu u x’gosti oħra għandhom. Imma jagħrfu li d-differenzi ta’ bejniethom ma jfixkluhomx milli jgħixu flimkien madwar is-siġra tal-ballut!

Sakemm jiġi l-fenek u jinqala’ l-għawġ! L-ors, il-brimba, is-serp, il-qanfud u l-ġojjin juru lill-fenek li lkoll bżonn xulxin u li meta jaħdmu flimkien, igawdi kulħadd!

It-tieni parti tal-ktieb toħroġ l-elementi ewlenin tal-istorja biex tispjega kif dak li jgħaqqad is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huwa mfisser fil-motto tagħha, ‘Magħqudin fid-Diversità’ u kif hi bbażata fuq valuri bażiċi li huma r-Rispett, id-Demokrazija, l-Ordni, is-Solidarjetà, il-Libertà u l-Ugwaljanza.

It-tielet parti tikkonsisti fi 12-il eżerċizzju prattiku li minnhom, il-qarrejja jkunu jistgħu japplikaw dak li jkunu tgħallmu fil-bqija tal-ktieb.