#noħlomlixidarba - Ktieb dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea


“Int toħlom?
Mhux għall-ħolm ta’ billejl qed ngħid imma għal dak ta’ binhar? Toħlom li xi darba...? Dawn l-istejjer juru x-xewqat u l-ħolm ta’ grupp ta’ żgħażagħ li huma ħbieb.
X’jixtiequ jsiru la jikbru? Kif jixtiequ jibdlu l-pajjiż? X’jixtiequ jagħmlu
għall-ambjent? X’aspirazzjonijiet għandhom?
U dan il-ħolm jista’ jitwettaq? Xi ftit minnu jista’ u forsi xi ftit ieħor, le.
L-istejjer ilaqqgħukom ma’ żgħażagħ mimlijin enerġija, altruwiżmu, umiltà, ħolm u empatija. Fuq kollox, ilaqqgħukom ukoll ma’ wħud mill-valuri tal-Unjoni Ewropea.”

Clare Azzopardi, Awtriċi



Il-ktieb, immirat għal żgħażagħ ta’ 14 u 15-il sena, huwa bbażat fuq 10 stejjer fittizji u qosra dwar il-ħajja ta’ kuljum ta’ grupp ta’ ħbieb li jgħixu fl-istess blokka ta’ appartamenti.

Il-ħila tal-awtriċi, Clare Azzopardi, twassal lill-qarrejja biex faċilment jidentifikaw lilhom infushom mal-karattri tal-istejjer tal-ktieb, bil-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom. L-istejjer huma mżewqa b’illustrazzjonijiet dwar il-karattri tal-istejjer minn Naomi Gatt.

Kull storja, li hi marbuta ma’ karattru partikolari, toħroġ valuri marbuta mal-Unjoni Ewropea, li l-karattri nfushom jemmnu bis-sħiħ fihom u lesti jaħdmu biex iwettquhom f’ħajjithom, flimkien ma’ sħabhom.

Il-ktieb jista’ jitniżżel f’format diġitali mill-ħolqa fix-xellug ta’ din il-paġna. Kopji b’xejn tal-ktieb jistgħu jinkisbu wkoll mill-uffiċċji ta’ SEM, 280 Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta fil-ħinijiet tal-uffiċċju.