20 sena Sħubija fl-Unjoni Ewropea: Kburin bil-passat, nibnu l-futur

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Fl-1 ta’ Mejju, 2004, fil-Port il-Kbir saru ċ-ċelebrazzjonijiet tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li bdew żmien ta’ relazzjoni b’saħħitha bejn pajjiżna u l-Unjoni Ewropea, bħala membru ta’ din il-familja Ewropea li f’dak iż-żmien kienet kibret minn 15 għal 25 Stat Membru. Għaldaqstant, 20 sena wara, nistgħu nħarsu lura lejn il-vjaġġ ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea waqt li nħarsu ‘l quddiem lejn il-futur ta’ Malta f’din l-Unjoni.

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, fissret li Malta saret membru wkoll tas-Suq Waħdieni. Din ma kinitx biss opportunità biex Malta ssaħħaħ u timmodernizza l-ekonomija tagħha, iżda wkoll biex titqies fuq l-istess livell ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn, li huma kkunsidrati bħala ġganti ekonomiċi. Barra minn hekk, meta fl-2008, Malta bidlet il-munita tagħha għall-ewro, din kompliet tiffaċilita l-moviment ħieles tal-persuni, il-kapital, is-servizzi u l-oġġetti.

Barra minn hekk, permezz tal-fondi Ewropej, matul dawn l-aħħar 20 sena, l-Unjoni Ewropea appoġġjat numru kbir ta’ entitajiet u għaqdiet madwar Malta u Għawdex sabiex iwettqu diversi proġetti li wasslu għal bidla pożittiva madwar il-ġżejjer tagħna. Matul is-snin, Malta bbenfikat minn miljun ta’ ewro f’fondi Ewropej li komplew jgħollu l-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan ma jinkludix il-miljuni ta’ fondi Ewropej li ngħataw direttament mill-Unjoni Ewropea taħt programmi ta’ fondi bħall-Erasmus+ u Horizon Europe, li wasslu għal aktar titjib f’oqsma bħall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, Malta ngħatat ukoll vuċi fuq livell Ewropew, u siġġu ugwali madwar il-mejda ma’ pajjiżi bħall-Ġermanja u Franza. Malta hija rappreżentata wkoll b’mod tajjeb fil-qalba tal-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet ewlenin fit-tmexxija ta’ din l-Unjoni. Malta hija rappreżentata fil-Kummissjoni Ewropea b’Kummissarju Malti, fil-Parlament Ewropew b’sitt membri parlamentari, fosthom il-President tal-Parlament, fil-Kunsill Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru ta’ Malta, u kif ukoll fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn jipparteċipaw diversi Ministri Maltin. Lil hinn minn dawn, diversi Maltin huma rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u fil-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll f’federazzjonijiet, għaqdiet volontarji u gruppi konsultattivi fuq livell Ewropew. L-impenn kontinwu ta’ Malta u tal-Maltin fuq diversi pjattaformi Ewropej huwa xhieda tal-irwol importanti li għandna x’naqdu flimkien mal-Istati Membri l-oħra filwaqt li nassiguraw li l-ħtiġijiet tal-gżejjer tagħna huma rikonoxxuti fl-ogħla livelli.

Dan l-20 anniversarju fl-Unjoni Ewropea huwa wieħed sinifikanti għaliex jimmarka wkoll l-opportunità biex aħna bħala ċittadini Maltin u Ewropej, nipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess demokratiku tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, fit-8 ta’ Ġunju, se jkollna l-opportunità li nsemmgħu leħinna billi nivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Issa aktar minn qatt qabel, huwa kruċjali li nkunu ċittadini Ewropej attivi u neżerċitaw id-dritt tagħna u nħaddmu d-demokrazija flimkien ma’ ċittadini Ewropej oħrajn. Kull vot mitfugħ fit-8 ta’ Ġunju se jkun qiegħed isaħħaħ ir-rappreżentanza ta’ Malta fuq livell Ewropew.

Filwaqt li f’dawn l-20 sena Malta rat progress liema bħalu f’diversi oqsma, u ħadet passi soċjali, ekonomiċi u ambjentali ‘l quddiem, issa rridu inkomplu naħdmu sabiex dan il-mixja tal-progress tkompli tissaħħaħ. Dan l-impenn jiżgura li bħala l-iżgħar Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, Malta tkompli tgawdi l-frott għaċ-ċittadini kollha.