2022 – Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Kap tal-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija tal-COVID, l-Unjoni Ewropea kienet fasslet pjan ta’ azzjoni sal-2027 biex tindirizza l-bżonnijiet partikolari taż-żgħażagħ fis-soċjetà Ewropea. Dan kien pass importanti li bih l-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet is-sehem importanti taż-żgħażagħ fil-bini sostenibbli u inklussiv tal-futur tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħsieb wara dan il-pjan ta’ azzjoni kien li ż-żgħażagħ għandhom rwol speċifiku fis-soċjetà u jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi speċifiċi u għalhekk il-bżonnijiet tagħhom, l-opportunitajiet għalihom u l-għodda biex jiksbuhom, għandhom ikunu wkoll immirati għalihom. B’hekk iż-żgħażagħ jistgħu jkunu involuti aktar fit-tfassil tal-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, ikunu ċittadini aktar attivi fis-soċjetà u jisfruttaw aktar opportunitajiet għall-iżvilupp tagħhom permezz ta’ programmi ta’ fondi u skemi ta’ tagħlim u taħriġ, fosthom l-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Meta faqqgħet il-pandemija, u fis-sentejn li għaddew, iż-żgħażagħ sabu ma’ wiċċhom ħafna inċertezzi, fl-edukazzjoni u fl-impjiegi, u fid-dinja diġitali, sportiva u soċjali. Ħarġu aktar fil-beraħ u kibru l-iżvantaġġi ta’ gruppi ta’ żgħażagħ li spiċċaw iżolati jew emarġinati, f’perjodu ta’ ħajjithom meta ż-żgħażagħ ikollhom bżonn appoġġ aktar minn żminijiet oħra.

L-opportunitajiet u ż-żmien mitlufa fil-pandemija ma jistgħux jinġiebu lura. Kien għalhekk li l-Unjoni Ewropea ddedikat din is-sena bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ biex dak il-pjan ta’ qabel il-pandemija jiġi attwat b’aktar impenn minn qabel. L-Unjoni Ewropea trid tħeġġeġ aktar żgħażagħ biex flimkien jibnu prospetti aħjar għall-futur tagħhom, b’iktar opportunitajiet biex ikollhom sehem attiv fil-bini tas-soċjetà, li huma stess se jkunu adulti fiha fis-snin li ġejjin.

M’għadux iż-żmien li ż-żgħażagħ jibqgħu jkunu mmexxija mill-adulti li jiddeterminaw għalihom il-futur tagħhom. Iridu jkunu huma li jieħdu aktar ir-riedni ta’ ħajjithom u jinvolvu ruħhom fil-bini tal-futur tagħhom stess.

Għaldaqstant, matul din is-sena Ewropea taż-Żgħażagħ, l-Unjoni Ewropea trid tindirizza dawn il-punti ewlenin: tibni mill-ġdid il-kunfidenza fiż-żgħażagħ li jkollhom futur aħjar billi jegħlbu l-iżvantaġġi kbar li ġabet fuqhom il-pandemija; tagħti sehem akbar fit-tfassil tal-futur tal-Ewropa li hu ppjanat li jkun aktar ekoloġiku, diġitali, inklussiv u ġust għal kulħadd; tagħti attenzjoni l-iktar lil dawk li huma żvantaġġjati, biex ma jaqgħux lura; tappoġġja l-iżvilupp personali, soċjali u professjonali taż-żgħażagħ fl-impjiegi, l-edukazzjoni u opportunitajiet ta' taħriġ ta' kwalità; tagħtihom aktar spazju biex ikollhom sehem ikbar fil-bini tal-Ewropa tal-futur bħalma qiegħed isir permezz tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

L-inizjattivi li se tkun qiegħda tieħu l-Unjoni Ewropea matul din is-sena se jkunu jinstabu fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ li wieħed faċilment isibu b’tiftixa fl-internet.

F’dan il-Portal, iż-żgħażagħ isibu kif jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li joffru programmi tal-Unjoni Ewropea bħalma huma l-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Fost l-inizjattivi ewlenin li mistennija jittieħdu matul is-Sena Ewropea nsibu l-inizjattiva msejħa ALMA, li se tkun qed tgħin liż-żgħażagħ bla impjieg, li mhux jistudjaw u lanqas jitħarrġu, biex isibu t-triq tagħhom lejn is-suq tax-xogħol billi jieħdu sehem fi skambji f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea fl-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali jew l-impjieg.

Huwa fatt li ż-żgħażagħ għandhom il-vulnerabbiltajiet u l-inċertezzi tagħhom biex ikunu jistgħu jibnu l-futur kif jixtiequ huma għalihom. Meta jingħataw l-għodda u l-ispazju, iż-żgħażagħ huma ħerqana li jieħdu l-kontroll ta’ ħajjithom u jitħalltu ma’ u jappoġġaw lill-oħrajn fl-iżvilupp personali tagħhom, l-ambjent ta’ madwarhom, fil-bidla mill-edukazzjoni għax-xogħol, u jibnu futur għal rashom.

Biex is-Sena taż-Żgħażagħ tkun ta' suċċess, huwa importanti li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu involuti f’dak li jkun qiegħed jiġi organizzat u jaraw kif jistgħu jibbenefikaw minn dak kollu li se toffri l-Unjoni Ewropea f’din is-Sena.

Għal iktar tagħrif jew assistenza, tista’ tikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta bl-email info.sem@gov.mt jew bit-telefon 2200 3300.