Bidla għall-Aħjar: Kif il-Fondi tal-UE jappoġġjaw l-Impjiegi u l-Ugwaljanza

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) huwa l-fond prinċipali li l-Unjoni Ewropea tuża biex tippromwovi t-tkabbir soċjoekonomiku, b’mod partikolari fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

Għall-perjodu 2021-2027, l-UE ser tinvesti f’Malta mal-€124.4 miljun fi proġetti tal-FSE+ li jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-aċċess għall-impjiegi u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. Il-prijoritajiet għal dawn l-investimenti jiffukaw fuq it-tnaqqis fin-numru ta’ persuni li jieqfu kmieni mill-iskola u biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħiliet fid-dinja tax-xogħol. Dan isir permezz ta’ metodi u għodda ta’ tagħlim innovattivi, edukazzjoni inklussiva għal gruppi vulnerabbli – bħal tfal b’diżabilità – u edukazzjoni u tagħlim matul il-ħajja f’oqsma ewlenin, bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Malta ser tuża fondi mill-FSE+ sabiex tappoġġja inizjattivi differenti li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ tfal u adulti vulnerabbli, persuni b’ diżabilità, u dawk li huma f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Bħalissa, hi miftuħa sejħa għal proġetti li jindirizzaw l-inklużjoni attiva u l-impjegabilità. Din is-sejħa hija miftuħa sal-15 ta’ April, 2024 f’nofsinhar. Organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet volontarji, dipartimenti tal-gvern, entitajiet pubbliċi u msieħba soċjali huma mħeġġa biex jippreżentaw proposti li jikkontribwixxu għall-miri tal-impjegabilità u l-inklużjoni attiva ta’ persuni vulnerabbli fis-soċjetà. L-għan huwa li jiġi assigurat li kulħadd ikollu aċċess għal riżorsi, opportunitajiet, u appoġġ sabiex jipparteċipa b’mod attiv fis-soċjetà u fil-forza tax-xogħol.

Grazzi għall-opportunitajiet li joħloq il-FSE+, jistgħu jiġu implimentati diversi proġetti bħal programmi ta’ taħriġ għax-xogħol, sessjonijiet ta’ taħriġ fil-komunità, sessjonijiet personalizzati li joffru appoġġ lil nies li qed ifittxu x-xogħol u ċentri ta’ tagħlim u riżorsi. B’hekk, jinbena futur fejn kull individwu għandu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal tiegħu, irrispettivament miċ-ċirkostanzi li ġej minnhom.

F’dan il-kuntest, inizjattivi bħall-programm VASTE, kofinanzjat mill-UE permezz tal-programm FSE+ 2014-2020, huwa eżempju ċar tal-potenzjal trasformattiv tal-fondi Ewropej sabiex titrawwem l-inklużjoni attiva u tittejjeb l-impjegabilità. Il-programm VASTE, li potenzjalment ser ikun kofinanzjat mill-FSE+ 2021-2027, jimmotiva individwi vulnerabbli billi jippovdihom bit-taħriġ meħtieġ u opportunitajiet ta’-xogħol biex jintegraw b’suċċess fis-suq tax-xogħol. Peress li huwa immirat li jilħaq persuni b’diżabilità u individwi vulnerabbli, dan il-programm jindirizza l-kawża tal-esklużjoni billi jħejji t-triq għall-indipendenza ekonomika u l-parteċipazzjoni soċjali.

Il-programm VASTE 2014-2020 stabbilixxa Ċentru Vokazzjonali Multi-Dixxiplinarju tal-Valutazzjoni, li jgħin fl-iżvilupp ta’ pjanijiet personalizzati b’taħriġ speċjalizzat u informazzjoni dwar l-impjieg li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull individwu. Permezz ta’ firxa estensiva ta’ taħriġ, bħal taħriġ għal qabel l-impjieg u taħriġ fit- teknoloġija tal-informatika, il-programm jagħti l-possibiltà li jsaħħaħ il-ħiliet u l-kunfidenza ta’ nies vulnerabbli sabiex jirnexxilhom jiffaċċjaw il-kumplessitajiet tad-dinja tax-xogħol.

Barra minn hekk, il-programm VASTE jenfasizza l-importanza li l-individwu jkun espost għax-xogħol u li l-individwu jkun kapaċi jżomm l-impjieg permezz ta’ evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tan-negozji u l-ħila ta’ min qed ifittex ix-xogħol li jissodisfa dawk il-ħtiġijiet. Barra minn hekk, l-individwi jingħataw servizzi ta' monitoraġġ u konsulenza biex jiġu assigurati l-integrazzjoni u s-suċċess fis-suq tax-xogħol. Il-programm VASTE hu mmirat ukoll li jelimina l-ostakli u joħloq soċjetà aktar inklussiva u ġusta billi jipprovdi appoġġ u linji gwida kontinwi, fi sforz kollaborattiv bejn Jobsplus u Lino Spiteri Foundation (LSF).

Il-FSE+ huwa xhieda tal-ħidma tal-UE sabiex tinvesti fin-nies, tappoġġja l-progress soċjali u twitti t-triq għal futur aħjar.

Għal aktar informazzjoni dettaljata u biex tapplika, żur is-sit fondi.eu. Għal assistenza, ikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta fuq info.sem@gov.mt jew 2779 7300.