Fondi Ewropej għal aktar tagħlim, ħiliet u impjiegi

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Meta wieħed ikollu l-ħiliet relevanti, ikun f’pożizzjoni aħjar sabiex jadatta b’suċċess għall-bidliet f’kull qasam tas-soċjetà. Dan jgħodd speċjalment għas-suq tax-xogħol, li aktar ma jmur, aktar qiegħed jinbidel mal-era diġitali u ekoloġika li qegħdin ngħixu fiha. Għalkemm dawn il-bidliet ġabu magħhom ħafna opportunitajiet, ġabu magħhom ukoll sfidi ġodda, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem.

Kien għal din ir-raġuni li l-Unjoni Ewropea mmarkat din is-sena bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet, li permezz tagħha qiegħda tippromwovi l-ħtieġa ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet, li jgħinu lin-nies jiksbu impjiegi ta’ kwalità u jadattaw mal-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-lum u ta’ għada.

F’dan il-kuntest, jeżistu għadd ta’ opportunitajiet għaċ-ċittadini Maltin, biex b’fondi Ewropej ikunu jistgħu jtejbu l-edukazzjoni u l-ħiliet tagħhom sabiex ikomplu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jikbru fil-karrieri tagħhom. B’mod partikolari, il-fondi Ewropej jgħinu lin-nisa, liż-żgħażagħ u dawk barra mill-edukazzjoni, taħriġ jew impjieg. Il-fondi Ewropej jagħtu wkoll spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji Maltin, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u medji, biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, iżidu l-produttività b’mod sostenibbli u jgħollu l-kwalità tas-servizzi tagħhom lill-konsumaturi.

Fost għanijiet oħra, il-Fond Soċjali Ewropew joffri għajnuna lil dawk li jixtiequ jtejbu l-edukazzjoni u l-ħiliet tagħhom, jew qegħdin ifittxu xogħol.

Għat-titjib fl-edukazzjoni, żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena li ma jgħaddux mill-eżamijiet tas-suġġetti prinċipali tas-SEC, jistgħu jibbenifikaw minn klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn għall-eżamijiet tar-resit u għaldaqstant tħeġġeġ liż-żgħażagħ ikomplu t-triq tal-edukazzjoni tagħhom.

Biex wieħed jidħol fid-dinja tax-xogħol, l-iskema ta' ‘Work Exposure’ hija maħsuba biex tiffaċilita li wieħed isib xogħol billi tipprovdi taħriġ prattiku inizjali li jgħin lill-individwi jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa sabiex isibu u jżommu impjieg.

Għall-istess skop, l-iskema ‘Access to Employment’ tipprovdi wkoll għajnuna finanzjarja lil intrapriżi f'Malta u f’Għawdex, biex iħaddmu lil dawk l-aktar żvantaġġjati li huma bla impjieg u persuni inattivi.

Għal dawk li diġà qegħdin fis-suq tax-xogħol, teżisti wkoll l-iskema ‘Training Pays’ li tgħin lill-individwi biex jiżviluppaw u/jew itejbu l-ħiliet tagħhom billi jipparteċipaw f’aktar taħriġ barra mill-post tax-xogħol.

Għas-snin li ġejjin bejn l-2021 u l-2027, il-Fond Soċjali Ewropew+ ser ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja permezz tal-ħolqien ta’ opportunitajiet għal kulħadd u investiment fir-riżorsi umani u l-ħiliet, billi jġedded u jsaħħaħ bosta skemi eżistenti u joħloq oħrajn ġodda.

Jeżistu wkoll diversi boroż ta’ studju li huma koperti mill-fondi Ewropej. Waħda minnhom hija l-iskema ‘Endeavour’, li bħalissa hija miftuħa sat-28 ta’ Ġunju, u li tappoġġja edukazzjoni terzjarja ta’ kwalità tajba fil-livell post-graduate. Dan il-finanzjament jgħin lill-istudenti jkomplu l-istudji tagħhom sabiex jiġi żgurat li s-suq tax-xogħol Malti jkollu individwi tajbin fih, li permezz tagħhom ikun f’pożizzjoni aħjar biex jikkompeti fuq livell internazzjonali.

It-tagħlim tul il-ħajja huwa importanti ħafna f’dinja li qiegħda tinbidel b’rata mgħaġġla. Permezz ta’ dan it-tagħlim, wieħed ikun jista’ jtejjeb il-ħiliet tiegħu u jiżviluppa ħiliet ġodda li jantiċipaw aħjar il-bidla u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet fil-karriera u jippromwovu l-mobilità professjonali. Għal dan il-għan, hemm bosta opportunitajiet għat-tagħlim permezz tal-programm Erasmus+, li bosta nies, bħal għalliema, ħaddiema maż-żgħażagħ u voluntiera f’organizzazzjonijiet jistgħu jibbenifikaw minnhom.

Minbarra fondi Ewropej għal għanijiet soċjali, hemm ukoll fondi li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività tal-intrapriżi f’pajjiżna u l-ħolqien tal-impjiegi ġodda. Bosta skemi għal dan il-għan jaqgħu taħt il-kappa ‘Business Enhance’, li jistimulaw il-ħolqien ta’ negozji ġodda u jsaħħu t-tkabbir tan-negozji eżistenti.

Il-kompetenzi professjonali għandhom rwol importanti għall-produttività u l-kompetittività ta’ pajjiżna. Għaldaqstant, permezz ta’ diversi programmi u skemi ta’ fondi Ewropej imsemmija hawn fuq, il-ħaddiema tal-lum u tal-futur ikunu mgħammra bil-ħiliet neċessarji sabiex ilaħħqu mad-domanda tas-suq tax-xogħol fil-kuntest ta’ bidla kontinwa.

Għal iktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jibbenefika minn fondi Ewropej, jista’ jikkuntattja lil SEM fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew mis-sit elettroniku fondi.eu.