Fondi Ewropej għal kwalità aħjar tal-ilma

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna, b'livelli baxxi ta' xita u temperaturi għoljin, l-iskarsezza tal-ilma hija naturali f’Malta. Fil-fatt, Malta għandha l-inqas ammont disponibbli ta’ ilma ħelu naturali ras għal ras mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea (UE). Barra minn hekk, Malta hija mal-iktar 10 pajjiżi fid-dinja li huma skarsi mill-ilma.

Is-settur tal-ilma huwa wieħed mill-prijoritajiet ewlenin għal Malta fejn jidħlu l-modi kif jintużaw il-fondi tal-UE. F’dan l-isfond, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wettqet u qiegħda twettaq diversi proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-ilma bil-fondi tal-UE.

Riċentament, permezz ta’ dawn il-fondi, tlesta l-proġett ta’ tisħiħ fil-produzzjoni ta’ ‘New Water’ li permezz tiegħu, 398 bidwi ser jibbenifikaw minn provvista stabbli ta’ dan it-tip ta’ ilma li jkun għadda minn riġenerazzjoni sabiex ikun jista’ jintuża għat-tisqija. Għal dan il-proġett, sar investiment ta’ madwar €25 miljun minn fondi Ewropej fi tliet impjanti ġodda li jittrattaw l-ilma għat-tisqija. Dawn il-fondi jagħmluha possibbli li nersqu lejn prattiċi aktar sostenibbli fl-użu tal-ilma.

Għaldaqstant, il-proġett ‘Net Zero Impact Utility’, b’allokazzjoni ta’ €150 miljun minn fondi Ewropej, għandu l-għan li jbiddel il-mod kif l-ilma jiġi pproċessat u mqassam madwar Malta u Għawdex biex tittejjeb il-konservazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u s-sostenibbiltà tal-provvista tal-ilma.

Permezz ta’ investiment ta’ €36 miljun b’kofinanzjament minn fondi Ewropej, qiegħed isir ukoll il-proġett tal-mina ta' 9.4km taħt l-art bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis f’Pembroke u l-ġibjun tal-ilma f'Ta’ Qali li ser tittrasferixxi 52,000 metru kubu ta’ ilma desalinizzat kuljum. Dan il-proġett se jibdel il-mod kif l-ilma tax-xorb jiġi mqassam u mħallat, li jirriżulta fi kwalità mtejba madwar il-Gżejjer Maltin. Is-sistema se tnaqqas ukoll l-ispejjeż operattivi u żżid is-sigurtà tal-provvista peress li fiċ-ċentru tal-pajjiż, l-ilma ser jasal mingħajr l-użu ta’ pompi li jirriżulta f’inqas konsum tal-enerġija u kontinwità tal-provvista anke waqt qtugħ tal-elettriku. Is-sistema tnaqqas ukoll l-użu ta’ kimiċi li jtejbu l-kwalità tal-ilma tax-xorb.

Investiment ieħor ta’ €11-il miljun b’fondi tal-UE kien l-iżvilupp tal-ewwel impjant tar-Reverse Osmosis f’Għawdex. Dan l-impjant għandu l-potenzjal li jipproduċi mad-9,000 metru kubu ta’ ilma kuljum u jelimina l-użu tal-pajp eżistenti ta’ taħt il-baħar miċ-Ċirkewwa. B’hekk, l-Għawdxin igawdu minn produzzjoni indipendenti ta ‘ilma ta’ kwalità għolja li tasal fid-djar u n-negozji tagħhom.

B’investiment ta’ €10 miljuni oħra, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lestiet ukoll il-proġett tal-ġibjun tal-Qattara fil-Qrendi, bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ilma tax-xorb u jitnaqqas il-piż minn fuq l-ilma tal-pjan.

Sar ukoll proġett fl-impjant tat-trattament tal-ilma ta' Sant' Antnin, b'investiment ta' madwar €5 miljun minn fondi Ewropej li jippermetti lill-bdiewa jarmu l-iskart tar-razzett b’mod aktar sostenibbli u li jwassal għal żieda fil-produzzjoni ta’ Ilma Ġdid. Permezz ta’ retrofitting b’teknoloġiji ġodda f’dan l-impjant, id-drenaġġ qiegħed jiġi trattat qabel jasal fl-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ Ta’ Barkat, fejn hemmhekk ikun jista’ jiġi pproċessat aktar Ilma Ġdid.

Kollox ma’ kollox, dawn il-proġetti mhux biss ser iwasslu għal titjib drastiku fil-konservazzjoni tal-ilma, iżda ser iwasslu wkoll għal effiċjenza aħjar tal-enerġija, prattiċi aktar sostenibbli u ilma ta’ kwalità aħjar għal kull min jgħix fil-Gżejjer Maltin.

Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE, tista’ tikkuntattjana bil-mistoqsijiet tiegħek permezz tal-email fuq info.sem@gov.mt, jew billi ċċemplilna fuq 2779 7300. Għal aktar informazzjoni tista’ wkoll iżżur il-websajt fondi.eu.