Fondi Ewropej għal Skambji taż-Żgħażagħ

Artiklu miktub minn Kurt Cortis, Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

L-edukazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp personali u soċjali ta’ kull individwu u tiftaħ opportunitajiet ġodda f’diversi oqsma tal-ħajja, mhux l-inqas għaż-żgħażagħ. L-edukazzjoni tikkultiva t-talenti u l-kreattività tagħhom, tħeġġiġhom biex jingħaqdu ma’ oħrajn, u tispirahom biex janalizzaw u jiskopru d-dinja li jgħixu fiha.

L-Unjoni Ewropea tagħraf dan il-potenzjal, billi fost l-oħrajn talloka fondi sostanzjali għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, permezz tal-programm ta’ fondi msejjaħ Erasmus+.

Bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, ħafna ħasbu li l-baġit ta’ programmi ta’ fondi eżistenti, bħall-Erasmus+, se’ jitnaqqsu. Iżda, għall-kuntrarju, il-baġit tal-Erasmus+ għall-perjodu 2021-2027 kważi rdoppja.

L-għan ġenerali tal-Erasmus+ huwa li jappoġġja l-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali tan-nies fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja. Fil-fatt, l-Erasmus+ joffri numru ta’ opportunitajiet lil diversi tipi ta’ għaqdiet biex iwettqu l-proġetti tagħhom bil-għan li jgħinu fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-membri u l-persunal tagħhom.

Waħda mill-opportunitajiet popolari taħt dan il-programm hija l-iskambji taż-żgħażagħ.

Permezz ta’ din l-opportunità, diversi organizzazzjonijiet, fosthom għaqdiet mhux governattivi u kunsilli lokali, jew gruppi informali taż-żgħażagħ, jistgħu jiksbu fondi Ewropej biex jorganizzaw dik li tissejjaħ mobilità. Fi kliem iżjed sempliċi, mobilità tirreferi għal numru ta ġranet (bejn ħamsa u wieħed u għoxrin ġurnata) li fihom iż-żgħażagħ parteċipi f’dawn il-proġetti jiltaqgħu flimkien u jimplimentaw numru ta’ attivitajiet.

Għal dawn it-tip ta’ inizjattivi, iż-żgħażagħ involuti jridu jkunu bejn l-etajiet ta’ tlettax u tletin sena.

Proġett ta’ Skambju taż-Żgħażagħ jinvolvi entitajiet/gruppi informali taż-żgħażagħ li jkunu ġejjin minn tal-inqas żewġ pajjiżi differenti, b’massimu ta’ sittin parteċipant. Għaldaqstant, proġett ta’ skambju dejjem jinkorpora element ta’ vjaġġar. Skambji taż-Żgħażagħ dejjem iridu jinvolvu entità/grupp informali taż-żgħażagħ li jkun ġej minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew minn numru ta’ pajjiżi oħra li huma s-Serbja, ir-Repubblika tal-Maċedonja tat-Tramuntana, in-Norveġja, it-Turkija, l-Iżlanda u Liechtenstein. Barra minn hekk, dawn l-iskambji jistgħu wkoll jinvolu entitajiet jew grupp informali taż-żgħażagħ li jkunu ġejjin minn pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea bħall-Albanija, il-Moldova u l-Eġittu.

Proġetti ta’ Skambji taż-Żgħażagħ jistgħu jinkludu iżjed minn mobilità waħda u f’kull mobilità ż-żgħażagħ involuti jieħdu sehem f’attivitajiet informali bħal workshops, dibattiti, role plays, u attivitajiet simili. Huwa importanti li ż-żgħażagħ parteċipi jaħdmu flimkien u jitgħallmu minn xulxin fl-attivitajiet tal-proġett. L-irwol tal-mexxejja tal-gruppi huwa li jiffaċilita dan il-proċess billi jgħin liż-żgħażagħ jirrealizzaw il-kompetenzi ġodda li akkwistaw minn dawn l-attivitajiet.

Din l-opportunità hija miftuħa għal għaqdiet biex japplikaw, iżda huma ż-żgħażagħ li jipparteċipaw fiha u jibbenefikaw minnha. Fil-fatt, proġett ta’ skambju jrid ikun pjanat u implimentat miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ. Dan ifisser li avolja jkunu l-għaqdiet li japplikaw, l-involviment taż-żgħażagħ f’dawn il-proġetti jrid ikun kontinwu, mill-fażi ta’ preparazzjoni tal-proġett sat-tmiem tiegħu.

L-għan ewlieni ta’ dawn l-iskambji huwa biex isaħħu u jiżviluppaw il-ħiliet u l-attitudnijiet taż-żgħażagħ, billi jitrawwem id-djalogu interkulturali, jisaħħu l-valuri Ewropej, u titqajjem kuxjenza dwar suġġetti soċjali rilevanti.

Fil-każ ta’ dawn il-proġetti, l-Erasmus+ jiffinanzja diversi spejjeż, bħal dawk relatati mal-ivvjaġġar tal-parteċipanti u oħrajn.

L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tgħin lil diversi entitajiet, fosthom l-għaqdiet volontarji u kunsilli lokali biex jiżviluppaw il-proġetti tagħhom u japplikkaw għal Skambji taż-Żgħażagħ. Infatti, biex insemmu eżempju wieħed, bl-għajnuna ta’ SEM, l-għaqda volontarja bBrave applikaw b’suċċess għall-proġett tagħhom, ‘Brave Ambassadors!’ biex titqajjem kuxjenza dwar forom differenti ta’ bullying. B’kollaborazzjoni ma’ għaqda oħra mill-Ingilterra, dan il-proġett ta’ skambju fittex li jħeġġeġ liż-żgħażagħ ikunu huma stess ambaxxaturi ta’ kampanja kontra l-bullying.

Id-data ta’ skadenza li jmiss għas-sottomissjoni ta’ proposti għal proġetti ta’ Skambji taż-Żgħażagħ hija l-5 ta’ Ottubru 2021. Dawk l-entitajiet interessati japplikaw għal dawn il-fondi jistgħu jikkuntattjaw lil SEM għal iktar informazzjoni fuq 2200 3300 jew jibagħtu email fuq info.sem@gov.mt.