Fondi Ewropej għall-Investiment fil-Ħiliet

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

L-investiment fil-ħiliet huwa wieħed mill-aktar investimenti importanti li pajjiż jista’ jagħmel għall-prosperità u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tiegħu. Dawk in-nies li għandhom aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità, huma aktar kapaċi jikkontribwixxu għall-komunitajiet tagħhom u għas-soċjetà. Dan għaliex ikunu kapaċi jaħdmu, jipproduċu u jirrinnovaw aktar, filwaqt li jiksbu livelli ogħla ta’ dħul, li jippermettilhom ukoll jilħqu livell aċċettabbli ta’ għajxien.

L-investiment fin-nies għalhekk sar ta’ prijorità ewlienija għall-mexxijja tal-pajjiżi madwar id-dinja, u bl-istess mod huwa fost il-prijoritajiet għall-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha. B'mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea għażlet is-sena 2023 bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet, biex tagħti spinta ġdida lit-tagħlim tul il-ħajja, tagħti s-setgħa lin-nies u lill-kumpaniji biex jikkontribwixxu għal prattiċi ekoloġiċi u diġitali, u tappoġġja l-innovazzjoni u l-kompetittività.

Għaldaqstant hemm bosta strumenti ta’ finanzjament u appoġġ tekniku mill-UE li huma disponibbli għall-investiment fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ f’ħiliet ġodda. Wieħed mill-istrumenti ewlenin ta’ finanzjament tal-UE biex jinvesti fin-nies huwa l-Fond Soċjali Ewropew Plus+ (ESF+). B’baġit ta’ €205 miljun għal Malta għall-perjodu 2021-2027, hekk kif inhu deskritt fil-Programm Operattiv ta’ Malta għal dan il-fond, l-UE se jkompli jappoġġja lil pajjiżna biex jikseb livelli aktar għoljin ta’ impjieg u protezzjoni soċjali ġusta, filwaqt li jiżviluppa l-forza tax-xogħol b’aktar ħiliet u reżiljenza.

Fuq livell nazzjonali, Jobsplus hija l-awtorità li timmaniġġja bosta skemi li jgħinu biex jintlaħqu dawn l-objettivi. L-ewwel waħda hija l-Iskema ‘Investing in Skills’. Din l-Iskema tnediet biex tippromwovi t-taħriġ ta’ persuni li jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol Malti, bil-għan li tiżdied il-produttività u tittejjeb il-kapaċità li wieħed jadatta għal xogħlijiet differenti. Dawk eliġibbli għal din l-iskema jinkludu persuni li jaħdmu għal rashom, negozji tal-familja, kumpaniji, NGOs, imsieħba soċjali, assoċjazzjonijiet, koperattivi, u organizzazzjonijiet volontarji. L-Iskema hija miftuħa sal-31 ta’ Marzu, 2023.

It-tieni skema hija t-’Training Pays Scheme’. Din l-Iskema għandha l-għan li tgħin lill-individwi jiżviluppaw u/jew itejbu l-ħiliet tagħhom billi jipparteċipaw f’aktar edukazzjoni u taħriġ barra mix-xogħol. Permezz ta’ din l-iskema, individwi ta’ bejn il-15 u l-64 sena jiġu offruti għajnuna fil-forma ta’ għotja finanzjarja li tkopri l-ispejjeż involuti, hekk kif it-taħriġ jiitlesta b’suċċess. L-iskema hija miftuħa sal-31 ta’ Lulju 2023, jew sa meta jiġu eżawriti l-fondi disponibbli.

Taħt il-programm il-ġdid tal-ESF+, skema oħra immaniġġjata minn Jobsplus hija l-Iskema ta’ ‘Access to Employment’ (A2E). Din l-Iskema tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi f'Malta u Għawdex, għall-impjieg ta’ dawk l-aktar żvantaġġjati li qed ifittxu xogħol, dawk bla impjieg, u persuni inattivi. L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Bħalissa hemm ukoll opportunitajiet oħra miftuħa. L-ewwel huwa l-proġett ‘INTERCEPT’, iffinanzjat permezz tal-Fond ta’ Għotjiet tal-EEA u n-Norveġja għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, li għandu l-għan li jgħaqqad liż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ ma’ opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur ekoloġiku. It-tieni huwa l-programm VASTE, iffinanzjat permezz tal-ESF, li għandu l-għan li jqarreb lill-persuni vulnerabbli lejn is-suq tax-xogħol permezz ta’ taħriġ u opportunitajiet ta’ espożizzjoni tax-xogħol, li potenzjalment iwasslu għal impjieg.

Jekk wieħed ikun interessat japplika, huwa mħeġġeġ jirreferi għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni mtellgħa fuq il-websajt tal-Jobsplus biex jiddetermina l-eliġibilità tiegħu, jimla l-formola tal-applikazzjoni, jiġbor id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa u jissottometti l-applikazzjoni sad-data tal-għeluq stipulata.

Jekk teħtieġ assistenza, jew għandek xi mistoqsija relatata ma’ dawn l-iskemi jew kwalunkwe programm jew proġett ieħor ta’ fondi Ewropej, tista’ tikkuntattja lill-SEM permezz ta’ email fuq info.sem@gov.mt, jew permezz ta’ telefonata fuq +356 2779 7300.