Fondi tal-UE għal Malta iktar moderna, sostenibbli u diġitali

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

In-negozjati li bdew bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Kummissjoni Ewropea lura fl-2020 wasslu biex Malta tikseb mat-€2.2 biljun f’fondi tal-UE għall-perjodu 2021-2027. Il-pjanijiet kif se jiġu investiti dawn il-fondi huma mniżżla fl-hekk imsejħa programmi operattivi li huma bbażati fuq prijoritajiet li l-pajjiż, bħala Stat Membru tal-UE għandu jtejjeb biex iżomm mal-miri tal-Unjoni u mal-Istati Membri l-oħra. Dawn il-programmi ġew imnedija fit-23 ta’ Jannar.

Dawn il-fondi se jiġu investiti fi proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja f’Malta u Għawdex, permezz ta’ proġetti u investimenti li direttament u indirettament, iwasslu għal tibdil sinifikanti f’kull settur. L-għan ewlieni hu li l-ekonomija ssir aktar moderna, sostenibbli u reżiljenti.

Il-fondi tal-UE se jissarrfu fi proġetti infrastruttutali kbar bħalma huma t-tlestija tal-faċilitajiet tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir u l-Freeport, it-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija, mollijiet ġodda, sptar ġdid għas-saħħa mentali, infrastruttura ta’ toroq u portijiet u l-bini ta’ skejjel u faċilitajiet edukattivi ġodda, fost l-oħrajn.

Il-fondi jindirizzaw ukoll in-negozji, l-aktar dawk żgħar u medji, mhux biss b’tagħmir u għodda diġitali, imma wkoll biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema sabiex isibu opportunitajiet ta’ xogħol aħjar. Dawn l-għajnuniet jgħinu n-negozji jikbru u jiddiversifikaw.

Fis-snin li ġejjin, is-setturi tal-biedja, tas-sajd u tal-akkwakultura se jaraw investimenti ġodda.

L-għaqdiet mhux governattivi se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi bħas-snin li għaddew, biex ikomplu bil-ħidma tagħhom favur għexieren ta’ oqsma tal-ħajja li jagħmlu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin aħjar. L-NGOs se jkollhom ħafna opportunitajiet biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi li jgħinuhom mhux ftit iwettqu proġetti fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni, l-ambjent u l-ħarsien tan-natura, u l-għajnuna umanitarja.

Il-kwalità tal-ħajja tiddependi ħafna mill-ambjent ta’ madwarna u għalhekk Malta se tkun qiegħda tinvesti bil-qawwi fl-ambjent, fit-trasport nadif u l-konnettività. Il-fondi tal-UE se jiġu investiti direttament fi spazji ħodor, immaniġġjar aħjar tal-ilma u inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-arja.

Mill-inqas 10% ta’ dawn il-fondi se jkunu diretti f’investimenti għall-iżvilupp sostenibbli urban f’Għawdex.

Is-saħħa pubblika u mentali se jingħataw ukoll prijorità, bħall-edukazzjoni u l-proġetti soċjali li jindirizzaw il-faqar u l-inklużjoni soċjali.

Il-prodott turistiku se jkun ukoll imtejjeb bil-fondi tal-UE biex jiżgura li Malta tibqa’ kompetittiva u ttejjeb dan is-settur.

Dawn il-fondi ma jħallux l-effetti ppjanati u mixtieqa, jekk ma jkunux direttament aċċessibbli għal firxa wiesgħa ta’ nies. Il-gvern, għalhekk għaddej bi proċess ta’ simplifikazzjoni biex kemm jista’ jkun ikun iktar faċli li dawn il-fondi jintużaw fejn meħtieġ. Bħala parti minn dan il-proċess, tnediet website ġdida, FONDI.eu, li tiġbor fiha sitt websites li kien hemm qabel, f’post wieħed. Din il-website isservi biex l-informazzjoni diġitali dwar il-fondi disponibbli tkun miġbura f’post wieħed.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) se tkun qiegħda sservi ta’ one-stop-shop billi fiżikament tiffaċilita l-proċess għal entitajiet pubbliċi u privati, organizzazzjonijiet, intrapriżi u individwi li jkunu mħajrin jinvestu bil-fondi tal-UE. SEM hi impenjata li tkompli tiffaċilita dan il-proċess billi tagħmilha eħfef li organizzazzjonijiet u individwi japplikaw b’suċċess għall-fondi disponibbli u jwettqu l-proġetti tagħhom skont ir-regolamenti. SEM toffri servizz personalizzat u sħiħ bla ħlas, fl-identifikazzjoni tal-opportunitajiet ta’ fondi li jaqblu mal-ħtiġijiet u l-ideat ta’ proġetti ta’ dawk interessati li jibbenefikaw mill-fondi tal-UE.

Dawk li jixtiequ l-għajnuna ta’ SEM, il-kuntatti huma info.sem@gov.mt jew +356 2779 7300. Mill-website sem.gov.mt wieħed jista’ wkoll jitlob appuntament biex jiltaqa’ ma’ uffiċjali ta’ SEM.