Fondi tal-UE għal opportunitajiet ugwali ta’ impjieg

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

L-iskema Access to Employment (A2E), immexxija minn JobsPlus bħala l-aġenzija nazzjonali tal-impjiegi, toffri appoġġ permezz ta’ fondi Ewropej lil min jimpjega, biex jimpjegaw persuni żvantaġġjati u b’diżabilità. B’hekk, dawn il-persuni jkunu jistgħu jtejbu l-opportunitajiet tagħhom li jsibu impjieg u jidħlu fis-suq tax-xogħol billi jakkwistaw esperjenza diretta tal-post tax-xogħol. L-għan ta’ din l-iskema hu li jnaqqas l-iżvantaġġi ta’ dawn il-persuni u jżid il-forza tax-xogħol.

L-iskema A2E hija kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+), il-Gvern ta’ Malta u min jimpjega, u hija finanzjata mill-Programm ‘Inrawmu l-benesseri soċjoekonomiku tas-soċjetà bil-ħolqien ta’ opportunitajiet għal kulħadd u ninvestu fir-riżorsi umani u fil-ħiliet’ għall-perjodu 2021-2027. L-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet taħt din l-iskema ħarġet fl-24 ta’ Jannar 2023 u se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ din is-sena. L-iskema tibqa’ attiva skont id-domanda u l-għotjiet jingħataw skont l-ordni li jidħlu fiha l-applikazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibilità. L-ammont allokat għal din l-iskema hi ta’ €3 miljuni.

L-applikanti eliġibbli huma dawk li jimpjegaw u li għandhom xi attività ekonomika li tinkludi sħubijiet, kumpaniji, negozji tal-familja, assoċjazzjonijiet, individwi self-employed u gruppi oħra, NGOs u msieħba soċjali. L-għajnuna finanzjarja li tingħata tvarja bejn 52 ġimgħa u 156 ġimgħa, skont liema kategorija tapplika.

L-applikanti li jidħlu fl-iskema A2E jirċievu sussidju ta’ €110.93 (full-time) jew €55.47 (part-time) fil-ġimgħa għal kull impjegat ġdid. Fil-każ ta’ persuni b’diżabilità reġistrati, jingħata sussidju ta’ €166.40 (full-time) jew €83.20 (part-time).

Fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-iskema A2E jiġu aċċettati kemm kuntratti indefiniti u kemm definiti, imma mhux ħaddiema każwali jew staġjonali u apprendistati. Dawk li huma eliġibbli li jibbenefikaw minn din l-iskema u jixtiequ japplikaw għaliha, għandhom jissottomettu l-applikazzjoni elettronikament u l-ingaġġ irid isir sal-aħħar ta’ Diċembru 2027.

Bħal skemi oħra li huma kofinanzjati mill-fondi tal-UE, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tista’ tagħti assistenza fil-proċess ta’ applikazzjoni u wkoll fl-implimentazzjoni. Bħala aġenzija tal-gvern, is-servizz hu bla ħlas. SEM tagħti għajnuna personalizzata lil kull min jixtieq japplika għall-fondi Ewropej billi tgħin fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ fondi skont il-proġett li wieħed ikollu f’moħħu, tgħin fil-kitba ta’ applikazzjoni kompetittiva u tiggwida lil dawk li jkunu ħadu l-fondi biex jimplimentaw il-proġett tagħhom skont ir-regoli stabbiliti.

Għal iktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jibbenefika minn fondi Ewropej il-kuntatti huma 2779 7300, info.sem@gov.mt jew is-sit elettroniku fondi.eu.