Fondi tal-UE għall-Patrimonju Storiku u Kulturali

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Il-gżejjer tagħna f’nofs il-Baħar Mediterran, bi storja għanja li tmur lura għaż-żminijiet pre-istoriċi, jagħmluna privileġġjati li għandna bosta fdalijiet ta’ kull daqs u għamla li ħallitilna l-istorja, imxerrdin ma’ kullimkien. Mit-tempji megalitiċi sa palazzi u knejjes barokki, dawn l-imkejjen storiċi jagħmlu lil Malta tassew unika, speċjalment għal dawk li jżuruna. Madankollu, mal-mogħdija taż-żmien, dawn is-siti jiddeterjoraw, u r-restawr u ż-żamma tagħhom jiswew investiment ta’ flejjes kbar.

Bis-sħubija fl-UE fl-aħħar 19-il sena, Malta bbenefikat minn fondi kbar għall-iżvilupp ta’ pajjiżna, inkluż fil-patrimonju storiku u kulturali. Dawn il-fondi huma essenzjali, għax permezz tagħhom, dawn is-siti li ħafna minnhom kienu fi stat ħażin, setgħu jinbidlu f’attrazzjonijiet li jintlaħqu u li jistgħu jżuruhom kemm Maltin u kemm turisti.

Ħafna jafu bir-restawr u l-konservazzjoni fuq skala kbira tas-siti l-aktar prominenti, bħat-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Ġgantija, ir-restawr u r-rijabilitazzjoni tal-Forti Sant’Anġlu u l-Forti Sant’Iermu, ir-restawr taċ-Ċittadella f’Għawdex, u dak li qiegħed isir fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Dawn huma investimenti kbar fuq skala nazzjonali. Imma l-fondi tal-UE jintużaw ukoll fi proġetti iżgħar ta’ restawr ta’ siti u oġġetti kulturali u storiċi li nsibu fil-komunitajiet madwar Malta u Għawdex.

Fil-gżejjer tagħna nsibu knisja jew kappella għal kull jum tas-sena, minn katidrali sa kappelli żgħar fil-qalba tal-lokalitajiet. Dawn il-knejjes jikkontribwixxu mhux ftit għall-wirt storiku, arkitettoniku u kulturali tagħna. Bħalissa għaddejjin diversi proġetti tal-arċidjoċesijiet ta’ Malta u Għawdex bil-għan li jiġi kkonservat, promoss u protett il-wirt ekkleżjastiku li jagħni l-patrimonju tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Dawn il-proġetti jinvolvu r-restawr tal-bini ta’ knejjes u kappelli minn barra u dak ta’ opri tal-arti, fost l-oħrajn.

Il-fondi tal-UE qegħdin jintużaw ukoll biex jiġu restawrati monumenti storiċi li nsibu fil-qalba tal-komunitajiet lokali. Ftit tal-ġimgħat ilu, ġiet inawgurata l-Mitħna tal-Għaqba fin-Naxxar, wara li ġiet irranġata għall-istat oriġinali tagħha b’restawr intensiv u b’mitħna li taħdem. Barra minn hekk, dan is-sit storiku ngħata skop ġdid bħala ċentru kulturali li jipprovdi spazju wkoll għall-artisti. Bl-istess mod, il-Mitħna tax-Xewkija – waħda mill-eqdem imtieħen f’Għawdex – ġiet restawrata bil-fondi tal-UE u ngħatat skop ġdid bħala sit ieħor li jagħti esperjenza kulturali u storika lil min iżurha.

It-Torri tal-Arloġġ tal-Imtarfa – li mhux daqshekk magħruf – ġie restawrat f’fondi tal-UE u nbidel f’ċentru ta’ interpretazzjoni li jixħet aktar dawl fuq l-istorja militari tal-Imtarfa. Proġetti simili oħra li saru bil-fondi tal-UE u li jfakkruna fl-istorja militari ta’ Malta, jirrestawraw u jikkonservaw fortijiet u torrijiet tul il-kosta, bħal dak tad-Dwejra f’Għawdex u dak ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn, li għandu jinbidel f’mużew dwar il-piraterija.

Dawn huma kollha eżempji ta’ kif il-fondi tal-UE qegħdin jintużaw biex jagħtu l-ħajja mill-ġdid lil diversi xhieda tal-patrimonju storiku mxerrdin mal-Gżejjer Maltin.

Għal iktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi Ewropej, tista’ tikkuntattja lil SEM bin-numru 2779 7300, bl-email info.sem@gov.mt u mill-website fondi.eu.