Fondi tal-Unjoni Ewropea għall-Ġemellaġġi

Artiklu miktub minn Abigail Ciantar – Uffiċjal għall-Fondi tal-UE, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

L-Unjoni Ewropea tappoġġja bis-sħiħ il-ġemellaġġi bejn bliet u rħula madwar l-Ewropa għax tqishom bħala mod uniku ta’ kif iġibu flimkien komunitajiet lokali minn pajjiżi differenti biex jaqsmu l-istorja tagħhom, il-modi ta’ għajxien, il-kulturi u dak kollu li jagħmilhom uniċi.

B’hekk jikber aktar is-sens ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea, kif ukoll jinbtu aktar rabtiet fit-tul bejn bliet u rħula lokali ma’ dawk Ewropej, li fl-aħħar mill-aħħar jiftħu orizzonti ġodda u għarfien akbar tal-identità u d-diversità Ewropea.

Dawn l-inizjattivi huma appoġġjati mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ finanzjament ta’ proġetti li jinvolvu liċ-ċittadini Ewropej f’dawn it-tip ta’ esperjenzi, oħrajn li jippromwovu l-ugwaljanza għal kulħadd u d-drittijiet u l-valuri tal-Unjoni Ewropea. Il-fondi jingħataw abbażi ta’ sejħiet għal proposti ta’ proġetti ta’ dan it-tip skont il-kriterji tal-Programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li jismu Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri (CERV).

F’dawn it-tip ta’ proġetti, kunsilli lokali u organizzazzjonijiet jagħtu liċ-ċittadini l-opportunità li jieħdu sehem f’diskussjonijiet ma’ ċittadini oħra Ewropej dwar x’tip ta’ Ewropa jridu li jgħixu fiha. Il-ġemellaġġi jagħtu l-opportunità li jsiru diskussjonijiet dwar il-kisbiet speċifiċi tal-Unjoni Ewropea u dwar it-tagħlimiet meħuda mill-istorja u prattiċi tajba li jippromwovu l-valuri fundamentali madwar l-Ewropa.Tajjeb li wieħed jirikonoxxi l-fatt li l-promozzjoni ta’ skambji bejn ċittadini ta’ pajjiżi differenti, b'mod partikolari permezz tal-ġemellaġġi, hija importanti biex tingħata esperjenza tad-diversità tal-wirt komuni Ewropew.

Għaldaqstant, permezz ta’ dawn il-finanzjamenti, l-Unjoni Ewropea tħeġġeġ ħafna l- koperazzjoni bejn dawk li huma involuti f’attivitajiet kulturali. B’hekk, entitajiet ibbażati f’Malta, bħall-kunsilli lokali jkunu jistgħu jiżviluppaw attivitajiet komuni, li jagħtu dimensjoni Ewropea lill-belt jew raħal tagħhom u jagħmlu aktar magħrufa l-avvenimenti kulturali tagħhom ma’ bliet Ewropej oħra. Barra minn hekk, jagħtu l-possibiltà lin-nies tal-lokal li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

Barra minn hekk, il-proġetti ta’ ġemellaġġ tal-ibliet jistgħu wkoll jiddiskutu aspetti differenti tal-impatt tal- pandemija tal-COVID19. Dan ikompli jgħin biex sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv li ħalliet il-pandemija fuq il-ħajja soċjali tagħna, u b’mod speċjali fuq il-komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ bejnietna u ma’ Ewropej oħra.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) tgħin diversi kunsilli lokali biex jagħmlu ġemellaġġi ma’ bliet u rħula oħra Ewropej. Fosthom, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar applika u qed jimplimenta proġett ta’ ġemellaġġ mal-Comune di Canicattì f’Siracusa, Sqallija. Dan il-ġemellaġġ se jgħin lill-parteċipanti jiskopru d-diversità kulturali tal-Unjoni Ewropea waqt li se jfittex li jqajjem kuxjenza dwar l-ambjent kulturali u lingwistiku taż-żewġ lokalitajiet. Fid-diskussjonijiet li se jsiru, il-parteċipanti se jirriflettu wkoll fuq l-impatt li l-pandemija ħalliet fuq iż-żewġ komunitajiet. Apparti minn hekk, l-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jikkontribwixxi għall-iskambju interkulturali ta’ żewġ lokalitajiet Mediterranji billi jistiednu nies ta’ nazzjonalitajiet u lingwi differenti fin-Naxxar biex jipparteċipaw f’attivitajiet komuni.

Is-sejħa għal applikazzjonijiet ta’ proġetti mill-programm ta’ fondi CERV fetħet fil-15 ta’ Marzu u tagħlaq fl-20 ta’ Settembru 2023. SEM tista’ tassisti lil dawk l-entitajiet li jixtiequ japplikaw u anki jimplimentaw il-proġetti, ladarba jiksbu l-fondi. Iktar informazzjoni aġġornata dwar opportunitajiet differenti ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea tista’ tinkiseb mill-website sem.gov.mt. Filwaqt li jekk wieħed ikun jixtieq informazzjoni partikolari, SEM tintlaħaq bit-telefon 27797300 jew bl-email info.sem@gov.mt.