Fondi tal-Unjoni Ewropea għall-Għaqdiet Volontarji

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Meta nitkellmu dwar kif jintużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea f’Malta, probabbli jiġu f’moħħna proġetti kbar infrastrutturali li ħallew impatt qawwi fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna. Iżda l-fondi Ewropej imorru lil hinn minn proġetti ta’ skala kbira.

Il-fondi tal-Unjoni Ewropea joffru firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet u benefiċċji lil numru kbir ta’ organizzazzjonijiet u individwi. Fost l-aktar benefiċjarji ta’ dawn il-fondi, insibu numru kbir ta’ għaqdiet volontarji li jaħdmu f’diversi oqsma bħall-inklużjoni soċjali, l-isport, l-arti u l-kultura, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-intrapriżi. Permezz ta’ dawn il-fondi, l-għaqdiet volontarji għandhom l-opportunità li jwettqu diversi proġetti, kemm żgħar kif ukoll kbar, għall-ġid tal-komunità.

Matul is-snin, Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), assistiet numru kbir ta’ għaqdiet volontarji biex japplikaw b’suċċess għall-fondi Ewropej biex iwettqu proġetti għall-ġid tas-soċjetà. SEM tassisti kemm għaqdiet volontarji kbar li joffru servizzi essenzjali fuq livell nazzjonali kif ukoll għaqdiet żgħar fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.

Il-fondi Ewropej jistgħu jintużaw minn għaqdiet volontarji sabiex itejbu l-kwalità tas-servizzi li joffru lil persuni vulnerabbli. SEM assistiet b’suċċess lil Hospice Malta biex takkwista fondi Ewropej għal parti mix-xogħlijiet li qegħdin isiru sabiex jinfetaħ l-ewwel ċentru ħolistiku għal servizzi ta’ kura paljattiva f’Malta, ‘St Michael’s Hospice’. Dawn il-fondi ntużaw sabiex jinbnew taqsima għall-kura matul il-ġurnata, depożitu għas-self ta’ tagħmir lill-pazjenti u taqsima tal-outpatients. Proġett simili li wkoll ibbenefika mill-fondi Ewropej bl-għajnuna tal-Aġenzija SEM, huwa ċ-Ċentru għall-Komunità tal-Caritas fil-Blata l-Bajda. Dan iċ-ċentru li ġie inawgurat is-sena li għaddiet, huwa primarjament iddedikat biex jipprovdi għajnuna kontinwa lill-persuni vulnerabbli li temmew programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzji u qegħdin jintegraw lura fil-komunità.

Fil-qalba tal-komunità, għaqdiet volontarji jistgħu jibbenifikaw mill-fondi Ewropej biex jiffinanzjaw proġetti bl-għan li jippreservaw il-kultura Maltija. SEM assistiet diversi għaqdiet mużikali biex jakkwistaw fondi biex jirrestawraw u jsebbħu l-faċilitajiet tagħhom, kif ukoll biex jorganizzaw skambji bejn iż-żgħażagħ, fost proġetti oħrajn. Fost dawn l-għaqdiet insibu, l-Għaqda Mużikali San Gużepp, Ħal Għaxaq li bl-għajnuna ta’ SEM akkwistaw il-fondi sabiex jirrestawraw il-koppla li tinsab fil-każin tal-għaqda, filwaqt li s-Soċjetà Mużikali Santa Katarina taż-Żurrieq ibbenefikat minn fondi sabiex isiru skambji bejn iż-żgħażagħ bl-għan li jippreservaw il-wirt kulturali Malti.

Apparti hekk, il-maġġoranza tal-għaqdiet volontarji jużaw il-fondi Ewropej sabiex jiffinanzjaw proġetti b’risq persuni vulnerabbli, bħal pereżempju permezz ta’ appoġġ għall-impjieg. L-għaqda ‘Malta Association of Supported Employment’ bl-għajnuna ta’ SEM applikaw għall-fondi Ewropej sabiex jimplimentaw proġett li jgħin lil persuni vulnerabbli jsibu impjieg addattat billi jgħinuhom jiksbu l-ħiliet neċessarji għad-dinja tax-xogħol. Proġett simili huwa dak ta’ bBrave, li permezz tal-fondi Ewropej qegħdin jagħmlu studju nazzjonali dwar il-bullying fuq il-post tax-xogħol.

Il-fondi Ewropej qegħdin jintużaw ukoll sabiex inħeġġu aktar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-komunità filwaqt li jindirizzaw suġġetti ta’ importanza attwali, bħas-saħħa mentali, l-integrazzjoni u s-solitudni. Fost dawn il-proġetti nsibu l-proġett li qegħdin iwettqu grupp ta’ żgħażagħ f’Marsaskala fejn jippromwovu l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà fil-komunità multikulturali ta’ din il-lokalità. Proġett simili sar mill-First Qormi Scout Group fejn akkwistaw il-fondi Ewropej proprju biex jagħmlu skambju bejn żgħażagħ Maltin u barranin bl-għan li jegħlbu l-istigma marbuta mas-saħħa mentali.

Dawn il-proġetti li semmejna huma biss xi ftit eżempji minn kif il-fondi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintużaw minn għaqdiet volontarji sabiex isaħħu x-xogħol siewi li qed iwettqu fil-komunità li jaħdmu fiha. Jekk inti parti minn għaqda volontarja u tixtieq issir taf iktar kif l-għaqda tista’ tibbenifika minn fondi Ewropej, SEM tista’ tgħinek. Il-kuntatti huma l-email info.sem@gov.mt, it-telephone +356 27797300 jew il-website fondi.eu.