Fondi tal-Unjoni Ewropea li jsaħħu l-Infrastruttura Soċjali

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea (UE) hi li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tas-27 Stat Membru, mingħajr ma tħalli barra l-iktar membri vulnerabbli tas-soċjetà, bħal nies b’diżabilità u nies li jsofru minn problemi ta’ saħħa fiżika u mentali.

Sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod effettiv, l-UE tappoġġja lill-Istati Membri tagħha fl-isforzi favur l-inklużjoni soċjali u l-aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa permezz tal-programm ta’ fondi ewlieni tagħha - il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Dan il-programm ta’ fondi jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jinvestu f’sistemi u faċilitajiet tas-saħħa, kif ukoll servizzi fil-komunità, fost investimenti oħrajn li jappoġġjaw persuni vulnerabbli u l-familji tagħhom.

Għall-perjodu 2021 u 2027, Malta ser tuża mas-€6 miljun mill-allokazzjoni tal-FEŻR tagħha għal investimenti li jippromwovu t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal dawk ibbażati fuq il-familja u l-komunità. Dawn il-fondi huma immirati għal organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u organizzazzjonijiet volontarji (VOs) li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli sabiex jgħinuhom fis-servizzi tagħhom fil-komunità.

Għas-snin li ġejjin, l-għan hu li dawn il-fondi jappoġġjaw organizzazzjonijiet differenti biex iwettqu bosta proġetti ta’ rijabilitazzjoni taż-żgħażagħ u f’faċilitajiet ta’ rikreazzjoni speċjalizzati għal persuni b’diżabilità jew dawk bi problemi ta’ saħħa u l-familji tagħhom. Permezz ta’ dawn l-investimenti huwa mistenni li Malta tħeġġeġ inizjattivi li jippermettu bidla lejn aktar servizzi fil-komunità u jiżdied in-numru ta’ faċilitajiet tas-saħħa speċjalizzati f’Malta.

Bħalissa hija miftuħa sejħa għall-applikazzjonijiet għal organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa u/jew diżabilità biex joħorġu bi proposti ta’ proġetti marbuta mal-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali fil-komunità. Taħt din is-sejħa, organizzazzjonijiet eliġibbli jistgħu jippreżentaw proġetti marbuta mal-iżvilupp, il-modernizzazzjoni u l-adattament ta’ faċilitajiet ta’ rikreazzjoni speċjalizzati għal persuni b’diżabilità jew bi problemi ta’ saħħa u l-familji tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan ta’ dawn il-fondi tal-UE hu li tappoġġja lill-organizzazzjonijiet sabiex jipprovdu servizzi aktar ħolistiċi għal gruppi vulnerabbli u l-familji tagħhom. Din is-sejħa hija miftuħa sat-30 ta’ April, 2024 u aktar informazzjoni tinstab fis-sit elettroniku fondi.eu.

Din mhijiex l-ewwel darba li organizzazzjonijiet tal-volontarjat ġew offruti fondi tal-UE biex itejbu s-servizzi tas-saħħa li joffru fil-komunità għal persuni vulnerabbli. Żewġ eżempji ewlenin ta’ NGOs li bbenefikaw minn dawn il-fondi fis-snin riċenti huma Caritas Malta u Hospice Malta.

Caritas Malta bbenefikat minn €2.25 miljun f’fondi tal-UE sabiex fetħet il-Caritas Community Centre fil-Blata l-Bajda, li ġie inawgurat f’Novembru tal-2022. Dan is-servizz komuntarju jipprovdi servizzi lil persuni vulnerabbli li lestew programm ta’ rijabilitazzjoni minn xi vizzju. Għalhekk, bl-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda u t-titjib tal-aċċessibiltà ta’ servizzi li diġà jeżistu, dan iċ-ċentru huwa mezz sabiex Caritas Malta tkun tista’ toffri aktar appoġġ lil persuni fil-bżonn, li kieku mingħajru kienu jkunu aktar f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Bl-istess mod, Hospice Malta użat fondi tal-UE għal parti mix-xogħlijiet li jwasslu għall-ewwel kumpless tal-Hospice f’Malta li joffri kura paljattiva - St Michael’s Hospice. Permezz ta’ dawn il-fondi, Hospice Malta setgħet tibni u tirrinova Taqsima ta’ Terapija għal matul il-jum, post fejn jinżamm it-tagħmir li jissellef lill-pazjenti u taqsima tal-outpatients. Dan il-proġett ma jgħinx biss sabiex jittejbu s-servizzi għal dawk li jsofru minn mard terminali, iżda jipprovdi wkoll aktar appoġġ u serħan il-moħħ lill-familji ta’ dawn il-persuni.

Organizzazzjonijiet volontarji li huma interessati li japplikaw għal din is-sejħa miftuħa għal investimenti fl-infrastruttura soċjali jew li jixtiequ aktar informazzjoni dwar it-tip ta’ opportunitajiet tal-UE li jistgħu jibbenefikaw minnhom jistgħu jkellmu lil Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) permezz tas-sit elettroniku ta’ SEM sem.gov.mt, iċemplu 2779 7300 jew bl-email info.sem@gov.mt