Il-fondi tal-UE jagħmluha iktar faċli li ssib impjieg

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Is-sena l-oħra, Malta rreġistrat it-tieni l-ogħla rata ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, xorta waħda jibqgħu persuni li jsibuha diffiċli jidħlu fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna, minħabba s-sitwazzjoni soċjali tagħhom jew minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni u ħiliet meħtieġa.

Familji b’ġenitur wieħed jistgħu jsibuha diffiċli jsibu impjieg b’sigħat flessibbli. Persuni li ħallew l-impjieg biex jieħdu ħsieb membri tal-familja jafu jsibuha diffiċli li jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ ħiliet.

Minħabba dawn ir-realtajiet, il-Kummissjoni Ewropea ddedikat din is-sena bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet, biex tippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja, it-tagħlim ta’ ħiliet ġodda (upskilling) u t-titjib ta’ ħiliet li wieħed diġà jkollu (reskilling).

Barra minn hekk, il-fondi tal-Unjoni Ewropea jservu wkoll biex jitwettqu inizjattivi fl-Istati Membri li jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet, kemm tas-suq tax-xogħol u kemm tal-individwi li jfittxu x-xogħol jew biex itejbu l-pożizzjoni tagħhom.

L-iskema Access to Employment (A2E) hija skema finanzjata mill-fondi tal-Unjoni Ewropea maħsuba biex tħaffef l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal dawk l-iktar vulnerabbli. Permezz ta’ din l-iskema, dawk li jimpjegaw f’Malta u Għawdex jiġu appoġġjati billi jitħallsulhom parzjalment il-pagi ta’ dawn l-impjegati.

L-iskema A2E hija mmexxija minn Jobsplus u finanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus – il-programm ewlieni tal-Unjoni Ewropea li jiffinanzja l-investimenti fin-nies u fil-ħiliet. L-iskema ġiet implimentata wkoll fil-passat mill-Fond Soċjali Ewropew għall-2014-2020.

Kummenti li ta lil Jobsplus manager tar-riżorsi umani ta’ kumpanija li toffri servizzi ta’ sigurtà juri l-benefiċċji ta’ din l-iskema: “L-iskema A2E għenitna nħaddmu iktar impjegati, għax tatna għażla usa’ ta’ applikanti, li l-paga tagħhom setgħet tinħareġ permezz ta’ inċentivi finanzjarji.”

Parteċipanti f’din l-iskema wkoll faħħru l-opportunitajiet li tipprovdi. Waħda mill-parteċipanti qalet: “Kont qiegħda nfittex impjieg minħabba li riċentement tlift ix-xogħol. L-għajnuna tal-iskema A2E lil min iħaddimni għenitni nsib impjieg fi żmien qasir. Minħabba li qatt ma kont ħdimt f’dan ix-xogħol, min iħaddimni kien iktar faċli għalih li jagħtini t-taħriġ meħtieġ. Fl-opinjoni tiegħi, skema bħal din iżżid il-prospetti ta’ impjieg lil persuni qiegħda.”

Persuna oħra qalet: “Kont ili qiegħda għal sentejn u bħala ġenitur waħdi kont qed insibha diffiċli nsib impjieg. Bl-għajnuna tal-iskema A2E stajt insib impjieg full-time.”

Dawn l-esperjenzi juru l-benefiċċji ta’ dawn l-iskemi ta’ finanzjament li jtejbu l-qagħda ta’ kuljum ta’ persuni u jagħtuhom opportunitajiet aħjar għall-futur.

L-iskema hija miftuħa għal dawk kollha li jimpjegaw, ħlief entitajiet pubbliċi (inklużi kunsilli lokali) u fejn il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma (iktar minn 50%) fl-entità li tapplika.

Għal iktar informazzjoni u dwar għajnuna fil-proċess tal-applikazzjoni u gwida fl-implimentazzjoni tal-proġetti, tista’ tkellem lil Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) bit-telephone 2779 7300, info.sem@gov.mt jew mill-website fondi.eu.