Il-Fondi tal-Unjoni Ewropea għal kwalità ta’ ħajja aħjar

Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal għall-Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Il-ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela nieda l-pakkett ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2021-2027. Dawn il-fondi, li jiffurmaw parti mill-pakkett ta’ €2.2 biljun li l-Unjoni Ewropea allokat għal Malta u Għawdex, jiġu investiti fix-xhur u snin li ġejjin fi proġetti skont programmi partikolari li jindirizzaw setturi speċifiċi.

Il-programmi jiġu mfassla skont prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u skont l-oqsma li fihom il-pajjiż ikollu bżonn tkabbir jew żvilupp biex togħla l-kwalità tal-ħajja.

Il-proġetti li jsiru b’dawn il-fondi, kemm minn entitajiet tal-gvern u kemm minn entitajiet pubbliċi u privati, organizzazzjonijiet volontarji u individwi, jippermettu li titwettaq ħidma f’diversi oqsma, fosthom proġetti ta’ infrastruttura, l-impjiegi, in-negozji, l-edukazzjoni, ir-riċerka, is-sigurtà, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, is-saħħa, proġetti soċjali u ta’ inklużjoni, l-agrikoltura, il-marittimu u s-sajd, fost ħafna oħrajn.

Il-fondi Ewropej jikontribwixxu mhux ftit sabiex pajjiżna jkun jista’ mhux biss jiżviluppa u jimxi ‘l quddiem, imma jkun f’qagħda aħjar biex jindirizza ċertu diffikultajiet, filwaqt li jkunu jistgħu jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea, li Malta kkommettiet għalihom bħall-Istati Membri l-oħra. Il-programmi ta’ fondi l-ġodda ser ikunu qegħdin jagħtu importanza lit-twettiq ta’ proġetti li jinċentivaw ħidma għal ambjent aktar nadif, proġetti għall-bidla favur ekonomija ċirkulari u proġetti li jinċentivaw ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Fis-snin li ġejjin, pereżempju, se jkun iktar importanti minn qatt qabel, li l-ħaddiema jkollhom taħriġ ħalli jkabbru l-ħiliet tagħhom u jitgħallmu oħrajn ġodda li jkunu meħtieġa għas-suq tax-xogħol tal-futur. Dan it-tip ta investiment dirett jgħin sabiex l-individwu jista jikteb l-istorja ta’ suċċess tiegħu, permess ta’ iktar investiment fl-iskejjel u bi prijorità għat-tisħiħ tal-ħiliet. Barra minn hekk, il-fondi Ewropej jagħmluha possibbli li jitwettqu proġetti soċjali sabiex ħadd ma jkun eskluż mill-bqija tas-soċjetà.

Prijoritajiet oħra li hemm fondi Ewropej dedikati għalihom huma l-oqsma tal-marittimu, is-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll l-agrikoltura. Fondi Ewropej ser ikunu qedin jgħinu lir-raħħala jixtru makkinarju u jtejbu l-faċilitajiet fl-għelieqi tagħhom, kif ukoll ser ikun hemm inċentivi sabiex iż-żgħażagħ jitħeġġu jidħlu f’dan is-settur u jikkunsidraw li jaqbdu karriera f’dan is-settur tant importanti għas-sostenibbiltà ta’ pajjiżna.

Aspett importanti ta’ dan il-pakkett ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea hu li l-investimenti li se jsiru se jagħmlu lil pajjiżna iktar sostenibbli u ppreparat għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-bidla ekoloġika u diġitali fis-snin li ġejjin. Proġetti importanti li ser jitwettqu huma marbuta mat-tnaqqis tat-tniġġis u żieda fl-ispazji ħodor, xiri ta’ vetturi elettriċi, metodi ġodda fl-effiċjenza tal-enerġija, u kif ukoll mal-ekonomija aktar ċirkulari u l-investiment fl-aċċess u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma.

B’hekkil-fondi tal-Unjoni Ewropea jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu f’Malta u Għawdex. Organizzazzjonijiet u individwi diversi ser jibqa’ jkollhom l-opportunità li japplikaw għall-fondi sabiex ikunu jistgħu jattwaw il-proġetti tagħhom li jħallu riżultati pożittivi lill-komunitajiet ta’ pajjiżna.

Sabiex dan il-proċess ikun wieħed iktar faċli, ħolistiku, u kif ukoll sabiex dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea jintużaw b’mod għaqli, l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) toffri servizz b’xejn lil individwi jew organizzazzjonijiet biex jidentifikaw opportunitajiet ta’ finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. SEM tassisti wkoll fil-kitba ta’ applikazzjoni kompetittiva u tipprovdi gwida waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti. B’hekk, SEM toffri servizz komplut lil dawk interessati jibbenefikaw minn dawn il-fondi, mill-istadju tal-applikazzjoni sal-implimentazzjoni.

Sabiex individwi u entitajiet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-programmi, tingħatalhom informazzjoni korretta u fattwali. SEM tassisti f’dan billi b’mod regolari taġġorna l-websajt – sem.gov.mt/open-calls – b’informazzjoni dwar l-opportunitajiet kurrenti ta’ finanzjament li huma disponibbli. SEM tassisti wkoll fl- implimentazzjoni tal-proġetti, b’mod partikolari.

Fuq bażi regolari, SEM torganizza wkoll numru ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar programmi u sejħiet speċifiċi ta’ finanzjament, kif ukoll torganizza diversi sessjonijiet ta’ taħriġ dwar il-proċess involut fil-kisba ta’ fondi u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Dan kollu jsir bi skop aħħari, sabiex il-fondi Ewropej ikunu iktar aċċessibbli f’Malta u Għawdex. Għal informazzjoni jew aktar għajnuna, ikkuntattja lil SEM fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew permezz tal-websajt sem.gov.mt.