Il-Fondi tal-Unjoni Ewropea jiffinanzjaw it-tisbiħ taż-żoni rurali f’pajjiżna

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Maniġer, Fondi tal-UE ma’ SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Iż-żoni rurali għandhom importanza kemm ekonomika kif ukoll soċjali hekk kif jipprovdu spazju għall-agrikoltura, għall-produzzjoni tal-ikel u għar-rikreazzjoni. B’rikonoxximent ta’ din l-importanza, l-Unjoni Ewropea talloka fondi għal proġetti fil-qasam tal-iżvilupp rurali.

Bejn l-2014 u l-2020, Malta kellha allokazzjoni ta’ €6.6 miljun mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LEADER. Din l-allokazzjoni ta’ fondi ssarrfet f’diversi proġetti ta’ fejda fit-territorji eliġibbli, li huma x-Xlokk, il-Majjistral u Għawdex. It-territorju tax-Xlokk jinkludi 17-il lokalità bħal Marsaxlokk, Ħal-Luqa, il-Kalkara u Ħal Qormi, mentri t-territorju tal-Majjistral jinkludi 10 lokalitajiet bħall-Imġarr, l-Imtarfa u San Pawl il-Baħar. It-territorju kollu Għawdxi huwa eliġibbli għall-fondi tal-LEADER.

Il-Programm LEADER huwa kkaratterizzat minn proċess ta’ konsultazzjoni lokali. Entitajiet u individwi interessati jiġu mistiedna biex jattendu diversi laqgħat dwar it-territorji kkonċernati. Dawn il-laqgħat iservu sabiex jiġu deċiżi l-prijoritajiet u l-attivitajiet illi għandhom ikunu parti mill-istrateġija ta’ dak it-territorju partikolari. B’hekk wieħed jista’ jgħid li l-opportunitajiet ta’ fondi tal-LEADER jiġu mfassla għall-bżonnijiet ta’ kull territorju eliġibbli. Għall-perjodu 2014-2020 ġew identifikati bżonnijiet varji f’kull territorju eliġibbli, bħal iktar koperazzjoni fost kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi u negozji, investimenti f’xogħlijiet infrastrutturali fil-kwartieri ta’ għaqdiet mhux governattivi, restawr ta’ oġġetti ta’ wirt storiku kif ukoll investiment f’tagħmir utli fil-qasam kulturali.

L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) assistiet diversi entitajiet jibbenefikaw minn fondi taħt dan il-programm. Pereżempju s-Soċjetà Santa Marija Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba li jaqgħu taħt it-territorju tax-Xlokk, ġew assistiti sabiex jiksbu fondi għal interventi strutturali fuq il-maħżen tagħhom. L-interventi ta’ dan il-proġett inkludew ix-xogħlijiet meħtieġa sabiex sular ġdid fil-maħżen tal-għaqda ikun jista’ jibda jintuża. Dawn l-investimenti huma maħsuba sabiex l-għaqda tista’ tkabbar l-attivitajiet tagħha fil-qasam kulturali speċjalment it-tagħlim u t-taħriġ tal-membri tagħha fl-arti tal-irħamar u snajja’ marbutin maċ-ċelebrazzjoni tal-festa tar-raħal.

SEM tassisti kemm għaqdiet volontarji u kemm kunsilli lokali fil-proċess ta’ applikazzjoni għal fondi taħt programmi varji. Fl-2019, l-aġenzija assistiet lill-Kunsill Lokali Rabat (Malta) sabiex jikseb fondi mill-programm LEADER għar-restawr u t-tisbiħ ta’ Ġnien Bir l-Iljun. Dan il-ġnien pubbliku jitgawda minn familji, residenti, turisti u persuni oħra.

Bħal ma jixhdu l-eżempji msemmija hawn fuq, il-proġetti ffinanzjati mil-LEADER jissarrfu f’ġid għall-komunitajiet lokali, bit-tisbiħ tal-lokalitajiet, kif ukoll il-preservazzjoni tal-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna. Apparti dawn il-proġetti msemmija, l-Aġenzija SEM assistiet numru mhux żgħir ta’ għaqdiet sabiex jiksbu fondi taħt dan il-programm għal proġetti ta’ restawr ta’ oġġetti kulturali u storiċi (inklużi niċeċ, siti kulturali u assi reliġjużi), titjib fil-qasam kulturali (xiri ta’ tagħmir, strumenti mużikali u għamara) kif ukoll proġetti infrastrutturali li jippermettu entitajiet attivi fil-qasam kulturali sabiex iżommu ħajjin it-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna.

Għan ieħor ta’ dawn il-proġetti hu li jippreservaw it-tradizzjonijiet tagħna permezz ta’ promozzjoni ta’ tagħlim u involviment attiv fis-settur volontarju. Diversi proġetti wasslu għal investimenti li jixprunaw it-tagħlim ta’ alljievi tal-mużika kif ukoll artiġjani tax-xogħol tal-idejn. Permezz ta’ investimenti f’tagħmir u interventi infrastrutturali, għaqdiet volontarji huma f’pożizzjoni aħjar li jiġbdu iktar voluntiera. Dawn l-attivitajiet ikomplu jippromwovu l-interess f’attivitajiet kulturali filwaqt li jżommu ħajja d-domanda għal snajja’ bħar-restawr, l-irħamar, it-tapizzerija, il-ħjata, l-iskultura, it-tpinġija, il-lavur f’diversi materjali u snajja’ oħra li llum il-ġurnata huma f’riskju li jintilfu. Dawn is-snajja’ jiffurmaw parti integrali mit-tradizzjonijiet reliġjużi bħall-festi tar-raħal, wirjiet reliġjużi u kommemorazzjonijiet storiċi fost l-oħrajn.

Diversi entitajiet Għawdxin ibbenefikaw ukoll mill-fondi taħt il-LEADER. Fost l-entitajiet Għawdxin megħjuna minn SEM insibu l-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem li kiseb fondi għal ġnien pubbliku fiż-żona magħrufa bħala l-Għadira ta’ San Raflu u sabiex tinxtara tinda għall-użu f’avvenimenti varji. Dan il-proġett ser jippermetti li jittellgħu avvenimenti pubbliċi matul is-sena kollha, anke l-Fiera tal-Għadira, li diversi drabi kienet titħassar minħabba t-temp. Dan il-proġett ġie propost mill-Kunsill flimkien ma’ żewġ għaqdiet mhux governattivi: l-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors u l-Għaqda Mużikali San Girgor. Dawn is-sħubijiet bejn entitajiet pubbliċi u privati huma meħtieġa għal proġetti tal-LEADER għal Għawdex.

Iktar tard din is-sena għandhom jerġgħu jiftħu l-applikazzjonijiet taħt diversi miżuri mill-programm LEADER. Peress li jkun hemm miżuri differenti, huwa importanti li min ikun interessat, ifittex il-parir ta’ SEM dwar il-fondi disponibbli u l-applikazzjoni. SEM tintlaħaq bl-email info.sem@gov.mt, bit-telefon 2200 3300 jew is-sit elettroniku www.sem.gov.mt.