Interreg Italia-Malta 2021-2027: Fondi Ewropej għall-Koperazzjoni Territorjali

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Il-programm Interreg Italia-Malta 2021-2027, li jkopri t-territorju ta’ Malta u diversi reġjuni fi Sqallija jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli fl-Italja u f’Malta bil-għan li jixpruna t-tkabbir modern, sostenibbli u inklussiv f’oqsma komuni bħall-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà fuq l-art u fil-baħar, il-patrimonju kulturali, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini.

Proġetti fir-riċerka u l-innovazzjoni, prodotti u installazzjonijiet pilota li joffru prattiċi ġodda fil-ħajja ta’ kuljum, huma ftit mill-proġetti ta’ suċċess li ġew finanzjati mill-Interreg Italia-Malta għall-perjodu 2014-2020.

Il-proġett ITAMA, pereżempju, iffoka fuq il-kundizzjoni tas-coeliac biex itejjeb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja il-ħajja ta’ dawk li għandhom din il-kundizzjoni. ITAMA sar bil-kollaborazzjoni ta’ timijiet mediċi u tal-ICT fi Sqallija u Malta. Il-proġett wettaq screening ta’ iktar minn 20,000 tifel u tifla bejn it-3 u l-11-il sena, biex jidentifika jekk għandhomx din il-kundizzjoni. Il-Proġett ġie estiż għal studenti ta’ bejn it-12 u t-18-il sena.

L-isfidi tan-nuqqas ta’ ilma f’Malta u Sqallija ġew indirizzati permezz tal-proġett MicroWatts, bl-iżvilupp ta’ sistema solari li tittratta l-ilma. B’din is-sistema, l-ilma mill-kċejjen, sinkijiet tal-kamra tal-banju u x-showers, wara li jkun trattat jista’ jerġa’ jintuża fil-flushings.

L-isfidi tal-protezzjoni tal-ambjent, l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-ħarsien tat-territorju tal-baħar huma wkoll materji komuni għall-iżvilupp fi Sqallija u f’Malta. Il-proġett BIOBLU sar biex inaqqas l-effetti tal-iskart tal-plastik li jħammeġ l-ibħra u l-bajjiet tagħna. Ġew żviluppati sistemi ta’ livell għoli ta’ teknoloġija awtomatizzata li jidentifikaw l-iskart fil-bajjiet bl-użu tad-drone. Din l-informazzjoni tintbagħat lil robot li jiġbor il-frak tal-plastik. Ir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex u Capo Milazzo fi Sqallija ntgħażlu biex tiġi ppruvata din is-sistema għall-analiżi tas-sitwazzjoni tal-ambjent tal-baħar.

Proġett ieħor, CORALLO ippromwova l-għarfien tal-bijodiversità fis-Siti ta’ Natura 2000. Ġew installati diversi tipi ta’ modi edukattivi f’sitt siti – il-Mużew Marittimu, Għar Dalam, it-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tat-Torri l-Abjad, u f’żewġ siti fi Sqallija. Ġew ukoll żviluppati għodda edukattivi bħal Gamblu r-Robot u l-headsets virtwali MetaQuest.

Proġett ieħor biex tiżdied is-sikurezza fuq l-art u fil-baħar saru bil-proġett SIMIT_THARSY li indirizza t-tħejjija konġunta bejn Malta u Sqallija f’każijiet ta’ terremot jew maremot. Żdiedu wkoll stazzjonijiet ta’ osservazzjoni tat-terremoti fl-Università ta’ Malta.

Fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Programm Interreg Italia-Malta huma issa disponibbli għall-perjodu 2021-2027 b’valur ta’ €57 miljun.

Iktar informazzjoni fuq dan il-Programm tinsab hawn. It-Taqsima tal-Koperazzjoni Territorjali tista’ tiġi kkuntattjata fuq territorialcoop.fpd@gov.mt jew 2555 2617.

Il-kuntatti ta’ SEM huma info.sem@gov.mt, jew 2779 7300.