Interreg Italia-Malta 2021-2027: Fondi tal-UE għall-Koperazzjoni Territorjali

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

Meta wieħed iħares lejn il-mappa tal-Unjoni Ewropea, mill-ewwel jinnota li filwaqt li l-parti kbira tal-Istati Membri jinsabu fil-qalba tal-Ewropa, numru ta’ Stati Membri, bħal Malta, jinsabu fil-periferija tal-kontinent. Dan iwassal għal diskrepanzi bejn l-Istati Membri li għandhom ħtiġijiet u prijoritajiet differenti.

Sabiex jitnaqqas l-iżbilanċ bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea hija li tindirizza dawn id-diskrepanzi permezz ta’ programmi ta’ fondi bħall-Interreg.

Il-Programm Interreg huwa programm ta' fondi tal-Unjoni Ewropea li jappoġġja u jsaħħaħ il-koperazzjoni territorjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri. Dan il-programm għandu bħala għan ewlieni l-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali, il-koeżjoni u t-tnaqqis tad-differenzi ekonomiċi permezz ta’ koperazzjoni bejn Stati Membri u reġjuni viċin xulxin.

Malta u Sqallija, bħala reġjuni ġirien fil-Mediterran, bejniethom hemm diversi similaritajiet u sfidi li huma komuni. F’dan ir-rigward, kemm Malta kif ukoll Sqallija jibbenefikaw mill-programm ta’ fondi Ewropej Interreg Italia-Malta li jappoġġja firxa wiesgħa ta’ proġetti li għandhom l-għan li jagħmlu differenza u jħallu impatt pożittiv fil-ħajja tan-nies.

Il-Programm Interreg Italia-Malta 2021-2027 li għadu kif tnieda, jippromwovi l-iżvilupp integrat bejn l-Italja u Malta bl-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet ideali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-Programm għandu l-għan li jiżviluppa l-potenzjal ta’ oqsma ta’ interess komuni għal Sqallija u Malta, bħall-ħarsien ambjentali, is-sigurtà tal-art u l-baħar, il-wirt kulturali, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini.

B’hekk, aktar minn €57 miljun ser jiġu investiti fl-oqsma tal-ambjent, l-immaniġġjar tar-riskju fir-rigward tad-diżastri naturali u l-effetti tat-tibdil fil-klima, it-turiżmu sostenibbli, l-innovazzjoni, u l-kompetittività.

Dawn l-inizjattivi se jkomplu jibnu fuq il-programm preċedenti għall-2014-2020.

Wieħed mill-aktar proġetti magħrufa taħt il-programm 2014-2020, huwa probabbilment il-proġett CORALLO, li qajjem aktar kuxjenza u għarfien fost il-pubbliku dwar is-siti ta’ Natura 2000, b’mod partikolari dwar il-bijodiversità u l-ekosistemi li jinsabu fihom, bl-għan li dawn ikunu jistgħu jitgawdew b’mod responsabbli fi Sqallija kif ukoll f’Malta. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ġew installati mezzi differenti ta’ edukazzjoni f’sitt ċentri popolari – il-Mużew Marittimu ta’ Malta, il-Mużew ta’ Għar Dalam, it-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Bajja tat-Torri l-Abjad, u f’żewġ siti oħra fi Sqallija. Uħud mill-għodod edukattivi u innovattivi li ġew installati kienu jinkludu lil Gamblu r-Robot u l-headsets ta’ MetaQuest.

Proġett ieħor interessanti mill-programm 2014-2020 huwa l-proġett ITAMA li kellu l-għan li jtejjeb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja b’enfasi fuq l-istudju tal-kundizzjoni coeliac fil-Mediterran. Il-proġett ITAMA ġie implimentat permezz ta’ kollaborazzjoni bejn timijiet mediċi u esperti tal-ICT fi Sqallija u Malta. Permezz tal-proġett, aktar minn 20,000 tifel u tifla bejn it-3 u l-11-il sena, ġew eżaminati sabiex ikun iddeterminat jekk ibatux mill-kundizzjoni. Il-proġett ġie estiż biex jiffoka wkoll fuq studenti ta’ bejn it-12 u t-18-il sena.

Dawn il-proġetti msemmija hawn fuq huma biss żewġ eżempji tat-tipi ta’ proġetti innovattivi li ġew iffinanzjati b’suċċess permezz tal-programm Interreg Italia-Malta u li se jkomplu jitwettqu permezz tal-programm ta’ fondi ġdid għall-perjodu 2021-2027.

Aktar informazzjoni dwar dan il-programm tinsab hawn. Wieħed jista’ jikkuntattja t-Taqsima tal-Koperazzjoni Territorjali fuq territorialcoop.fpd@gov.mt jew 2555 2617.

Wieħed jista’ jikkuntattja lil SEM fuq info.sem@gov.mt, jew billi jċempel fuq 2779 7300.