Investiment fil-Ħiliet: Fondi tal-UE għat-Taħriġ tal-Ħaddiema

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

F’dinja li qed tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna, b’avvanzi teknoloġiċi u bidliet ekonomiċi dinamiċi, hu meħtieġ li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-ħiliet u l-għarfien tal-ħaddiema.

L-iskema, ‘Ninvestu fil-Ħiliet’, kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew+ tal-UE bl-appoġġ tal-Gvern, u min iħaddem, għandha rwol ċentrali f’dan l-isforz biex titwettaq din il-prijorità. L-iskema tifforma parti ewlenija mill-Programm Operattiv ta’ Malta għall-investiment bil-fondi tal-UE fil-perjodu 2021–2027. Il-Programm għandu l-għan li jsaħħaħ il-benesseri soċjoekonomiku permezz ta’ investimenti strateġiċi fil-kapital uman.

Malta mhix eskluża milli tiffaċċja l-isfidi globali bħal dawn li qed jevolvu malajr. L-investimenti fil-kapital uman joħorġu bħala xi ħaġa kruċjali għall-progress sostenibbli u l-prosperità. Filwaqt li tirrikonoxxi din il-ħtieġa, l-UE allokat fondi sinifikanti biex tappoġġja inizjattivi għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-Istati Membri tagħha.

L-iskema, ’Ninvestu fil-Ħiliet’ kienet u hija għodda kruċjali biex l-individwi jikbru fil-ħiliet u l-potenzjal tagħhom u fl-istess ħin issaħħaħ il- kompetittività tal-pajjiż.

Meta min iħaddem jinvesti f’ħiliet diġitali avvanzati, ħiliet ġenerali relatati max-xogħol, ħiliet ekoloġiċi, ħiliet fit-tiftix ta’ impjieg, u ħiliet ta’ ġestjoni tal-karriera, huwa jista’ jisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-impjegati. Barra minn hekk jgħin biex titwitta t-triq lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-prosperità, b’forza tax-xogħol aktar dinamika u reżiljenti, filwaqt li jiżgura li l-forza tax-xogħol tibqa’ kompetittiva fuq skala globali.

Permezz ta’ din l-iskema, min iħaddem huwa l-benefiċjarju primarju tas-sussidji fuq l-ispejjeż tat-taħriġ, l-ispejjeż tal-pagi u l-ivvjaġġar bl-ajru matul il-perjodu ta’ taħriġ u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tat-taħriġ fi ħdan l-organizzazzjoni jew il-kumpanija. Fl-aħħar mill-aħħar, però, il-benefiċjarji huma l-ħaddiema nfushom.

L-iskema attwali, ‘Ninvestu fil-Ħiliet’, ġiet inawgurata f’Settembru 2023 u titħaddem skont id-domanda waqt li tipprovdi l-għajnuna f’għotjiet abbażi ta’ ‘min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel’. Dawk interessati li jibbenefikaw mill-iskema huma mistiedna jżuru s-sit elettroniku ta’ JobsPlus. Matul l-aħħar perjodu ta’ fondi 2014–2020, aktar minn 4,000 inizjattiva ta’ taħriġ ibbenefikat mill-iskema, inkluż taħriġ akkreditat bejn il-livelli 1-5 tal-MQF (Qafas Malti tal-Kwalifiki) u anke taħriġ mhux akkreditat.

Meta jipparteċipaw fi programmi ta’ taħriġ imfassla skont ir-rwoli u l-aspirazzjonijiet tal-karriera tagħhom, l-impjegati jistgħu jiksbu aktar ħiliet u jsaħħu dawk li diġà għandhom, jew iżidu għarfien tagħhom, filwaqt li jkollhom ċans għal suċċess aħjar fis-suq tax-xogħol. Peress li s-sejħa tibqa’ miftuħa, l-organizzazzjonijiet huma mħeġġa jaħtfu din l-opportunità, filwaqt li b’mod kollaborattiv isawru futur fejn kull individwu jkollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal tiegħu permezz tat-tagħlim tul il-ħajja u t-titjib tal-ħiliet.

Jekk teħtieġ assistenza dwar din l-iskema jew skemi oħrajn b’fondi Ewropej, ikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta fuq info.sem@gov.mt jew 2779 7300. Tista’ wkoll tirreġistra l-interess tiegħek fil-website sem.gov.mt.