Ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-Invażjoni fl-Ukrajna – Sena wara

Artiklu miktub minn Faith Spearing – Europe Direct Valletta

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Frar fakkarna sena mill-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna - invażjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata, li xxukkjat miljuni ta’ nies u laqtet b’ħafna modi lil ħafna pajjiżi, mhux l-inqas lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

Sa mill-bidu tal-invażjoni, l-Unjoni Ewropea ħadet l-azzjonijiet meħtieġa kemm biex twaqqaf l-invażjoni tal-Ukrajna u kif ukoll biex tipprovdi l-assistenza immedjata u neċessarja lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha.

Matul din l-aħħar sena rajna lill-mexxejja tal-Istati Membri u tal-istitutzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jiltaqgħu b’mod regolari u jaħdmu flimkien sabiex jittieħdu azzjonijiet konkreti kontra r-Russja permezz ta’ diversi sanzjonijiet ekonomiċi. Frott ta’ dan l-isforz, l-Unjoni Ewropea adottat mhux inqas minn disa’ pakketti ta’ sanzjonijiet li l-għan aħħari tagħhom huwa li jdgħajfu l-bażi ekonomika tar-Russja, iċaħħduha minn teknoloġiji u swieq kritiċi, u jnaqqsu b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħha li tagħmel gwerra.

Fost dawn is-sanzjonijiet insibu l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ faħam u fjuwils fossili solidi oħra mir-Russja, l-esklużjoni tal-Banek Russi mis-sistema SWIFT li biha jsiru tranżazzjonijiet bankarji fid-dinja, u l-iffriżar tal-assi ta’ individwi bħal oligarki u entitajiet Russi, li sa issa ammontaw għal madwar €20 billjun.

Tajjeb ngħidu li għalkemm is-sanzjonijiet kontra r-Russja huma neċessarji, dawn waħidhom mhumiex biżżejjed. B’hekk matul l-aħħar sena, l-Unjoni Ewropea wriet solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna u l-poplu tagħha permezz ta’ miżuri bla preċedent li jinkludu assistenza ekonomika u finanzjarja, għajnuna umanitarja u appoġġ għar-refuġjati, fost l- oħrajn. Fil-fatt, mill-bidu tal-gwerra sa issa, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha allokaw madwar €67 biljun f’appoġġ differenti għall-Ukrajna u l-poplu tagħha.

F’din is-sena, l-Unjoni Ewropea kkommettiet madwar €25 biljun mill-baġit tagħha f’għajnuna finanzjarja biex trawwem l-istabbiltà fl-Ukrajna u tindirizza l-ħtiġijiet ta’ finanzjament immedjati u l-aktar urġenti tagħha, u tagħti appoġġ għar-rikostruzzjoni sostenibbli wara l-gwerra. L-Ukrajna bħala pajjiż kandidat tal-Unjoni Ewropea, qiegħda tingħata l-appoġġ fit-triq tagħha lejn l-integrazzjoni Ewropea.

B’mod dirett, naraw ukoll li l-Unjoni Ewropea qed tappoġġja l-ekonomija tal-Ukrajna permezz ta’ korsiji ta’ solidarjetà. Dawn il-korsiji huma bħal dawk li kienu wżati fi żmien il-Covid19 bejn l-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-moviment tal-kummerċ bejn il-pajjiżi fi żmien li l-fruntieri kienu magħluqa. F’dan il-każ dawn il-korsiji bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna qed jassiguraw l-esportazzjoni tal-qamħ u prodotti agrikoli oħra mill-pajjiż. Bis-saħħa ta’ dawn il-korsiji ta’ solidarjetà, 23 miljun tunnellata ta’ ċereali u prodotti relatati - b’valur ta’ €20 biljun fi dħul - ġew esportati mill-Ukrajna. Dan kien kruċjali biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-ikel fl-Istati Membri, kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Wieħed ma jistax ma jsemmix l-appoġġ umintarju li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea taw direttament lill-Ukrajna. Minn Frar tal-2022, ġew allokati madwar €630 miljun f’assistenza umanitarja lill-Ukrajna. L-assistenza inkludiet provvista tal-ikel u ilma, kura tas-saħħa u faċilitajiet ta’ kenn f’emerġenza u għax-xitwa fost l-oħrajn. Apparti hekk, permezz tal-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni ċivili, li kien użat waqt il-Covid19 għall-provvisti mediċi, ingħataw madwar 1,300 ġeneratur tal-enerġija.

Apparti l-għajnuna umanitarja ġewwa l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea kienet lesta biex tappoġġja lil dawk li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom. Hekk kif faqqgħet il-gwerra, l-Ewropa rat influss ta’ refuġjati Ukreni li kienu qed ifittxu kenn fil-pajjiżi tal-Unjoni. Storikament, l-Unjoni Ewropea skattat mekkaniżmu għall-protezzjoni temporanja li jassigura li kull persuna li ħarbet mill-gwerra fl-Ukrajna tingħata protezzjoni mingħajr dewmien għal sena fi kwalunkwe Stat Membru. Apparti hekk, dan il-mekkaniżmu jagħti dritt lir-refuġjati għal residenza, u aċċess għal-akkomodazzjoni, is-suq tax-xogħol u għall-edukazzjoni, fost benefiċċji oħrajn.

Għalkemm l-invażjoni Russja fl-Ukrajna għadha għaddejja, l-Unjoni Ewropea hija kommessa li tkompli tkun ta’ spalla għall-poplu Ukren u ser tkompli taħdem qatigħ biex twaqqaf dan il-kunflitt u tippreserva l-paċi u s-sigurtà internazzjonali.