It-tisħiħ tal-Komunitajiet permezz tal-Fondi Ewropej

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Il-fondi Ewropej ikkontribwew b’mod sinifikanti għall-ġid tal-komunitajiet madwar Malta u Għawdex billi ffinanzjaw diversi proġetti li huma ta’ benefiċċju dirett jew indirett għar-residenti u turisti. Dawn l-inizjattivi, iffinanzjati mill-UE, għandhom l-għan li jinkoraġixxu l-iżvilupp tal-komunità u jtejbu l-ħajja kemm tar-residenti kif ukoll tal-viżitaturi.

L-inklużjoni soċjali u l-inizjattivi ta’ appoġġ komunitarju, iffinanzjati mill-UE, għandhom rwol kruċjali fit-titjib tal-ħajja tar-residenti fil-komunità u l-familji tagħhom, billi jiżguraw l-aċċess għar-riżorsi u servizzi ta’ appoġġ li jeħtieġu. Dawn l-inizjattivi wasslu għat-twaqqif ta’ ċentri komunitarji f’żoni bħall-Marsa, il-Furjana u Ħal Tarxien, li jipprovdu appoġġ essenzjali lir-residenti. Barra minn hekk, il-programmi għat-tnaqqis tal-faqar iffinanzjati mill-UE, li jinsabu f’diversi lokalitajiet bħal Ħal Kirkop, Marsaskala u Bormla, joffru assistenza lil gruppi vulnerabbli fil-komunitajiet tagħna.

Permezz ta’ proġetti ta’ ġemellaġġ, il-fondi tal-UE jippromwovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-kollaborazzjoni bejn l-ibliet u l-irħula. Dawn l-inizjattivi jlaqqgħu flimkien persuni ġejjin minn ambjenti differenti, irawmu d-djalogu, il-parteċipazzjoni, u l-koperazzjoni. Permezz ta’ skambji interkulturali, diskussjonijiet dwar l-integrazzjoni Ewropea, u sforzi kollaborattivi jiġu indirizzati sfidi komuni għaċ-ċittadini Ewropej.

L-UE tinvesti wkoll fi proġetti ta’ preservazzjoni tal-wirt storiku għani ta’ Malta u Għawdex. Madwarna, fost l-oħrajn naraw ir-restawr ta’ siti ikoniċi bħat-Torri tax-Xlendi, il-mitħna tax-Xewkija, it-Torri tal-Arloġġ tal-Imtarfa, l-istazzjon tal-ferrovija ta’ Ħ’Attard u Birkirkara. Dawn il-proġetti mhux biss iħarsu l-wirt storiku għani ta’ Malta u Għawdex, iżda jagħtu lill-komunitajiet l-opportunità li jkomplu jgħożżu u jiċċelebraw il-wirt komuni u l-identità tagħhom, filwaqt li jrawmu sens ta’ kburija fost ir-residenti.

Barra minn hekk, il-fondi tal-UE appoġġjaw diversi xogħlijiet ta’ restawr ta’ knejjes, artefatti u niċeċ fin-Naxxar, l-Imsida, il-Qala, Marsalforn, Ta’ Kerċem u l-Fontana, fost ħafna oħrajn madwar Malta u Għawdex. Dawn is-siti għandhom sinifikat kbir għar-residenti u jservu bħala postijiet ta’ riflessjoni spiritwali u prattika tat-tradizzjonijiet. Barra minn hekk, it-turisti li jżuru Malta u Għawdex jinġibdu lejn dawn is-siti restawrati, jikkontribwixxu għall-ekonomija lokali filwaqt li joħorġu aħjar ir-rikkezza kulturali u storika tal-gżejjer Maltin.

Qasam sinifikanti ieħor ta’ investiment huwa s-sostenibbiltà ambjentali permezz ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa li jgħollu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Dawn il-proġetti jinkludu l-Valletta Design Cluster, ir-rijabilitazzjoni tal-miżbliet f’Wied Fulija fiż-Żurrieq u l-Qortin f’Għawdex, kif ukoll proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana bħaż-żona t’Isfel tal-Belt Valletta, ir-Reġjun tal-Kottonera u t-tisbiħ taż-Żewwieqa f’Għawdex. Billi joħolqu spazji aktar miftuħa u aċċessibbli għat-tgawdija tal-komunità, dawn il-proġetti jippromwovu stili ta’ ħajja aħjar għas-saħħa u ambjent soċjali aktar b’saħħtu.

Perjodikament se jkomplu jinħolqu opportunitajiet għall-organizzazzjonijiet differenti għall-finanzjament tal-UE, b’diversi sejħiet immirati lejn il-kunsilli lokali biex dawn il-fondi jiġu investiti fi proġetti ta’ żvilupp tal-komunità. Kemm jekk il-preservazzjoni tal-wirt kulturali, it-tisħiħ tas-sostenibbiltà ambjentali, jew l-appoġġ għal dawk l-aktar vulnerabbli fil-komunitajiet tagħna, il-finanzjament tal-UE jibqa’ integrali għat-tiswir tal-futur tal-komunitajiet f’Malta u Għawdex.

Għal aktar informazzjoni jew assistenza dwar proġetti u opportunitajiet iffinanzjati mill-UE, tista’ tikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) permezz tal-posta elettronika fuq info.sem@gov.mt jew 2779 7300, jew mis-sit elettroniku fondi.eu.