It-triq ‘il quddiem għat-trasformazzjoni fil-qasam tal-enerġija fl-Ewropa

Artiklu ppubblikat fuq tvmnews.mt

L-invażjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna fixklet bil-kbir il-provisti tal-enerġija għall-Ewropa, biż-żieda ta’ piżijiet ġodda fosthom fuq il-konsumaturi, li f’ħafna pajjiżi kellhom iħallsu aktar għall-provista tal-enerġija. Is-sitwazzjoni ġabet ukoll tħassib ġdid dwar is-sigurtà tal-provista tal-enerġija, minħabba d-dipendenza għolja tal-Ewropa fuq l-importazzjoni tal-gass, taż-żejt u tal-faħam mir-Russja. Il-prezzijiet għoljin li jħallsu l-Istati Membri tal-UE għall-fjuwils fossili mir-Russja – li tlaħħaq madwar €100 biljun kull sena – ikomplu jwieżnu lir-Russja fil-gwerra kontra l-Ukrajna. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej – 85% – jemmnu li l-Ewropa għandha tnaqqas kemm jista’ jkun malajr id-dipendenza tagħha fuq il-gass u ż-żejt mir-Russja.

F’dan il-kuntest, fit-8 ta’ Marzu ta’ din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea sejħet għal azzjoni konġunta biex l-UE tindirizza din l-isfida u ħarġet Komunikazzjoni msejħa, ‘REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli’. Fl-10 u l-11 ta’ Marzu mbagħad iltaqgħu l-mexxejja tal-Istati Membri li fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles talbu lill-Kummissjoni Ewropea toħroġ bi pjan biex tindirizza l-isfidi li għandha quddiemha l-UE fil-qasam tal-enerġija. B’hekk, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet bil-Pjan REPowerEU fit-18 ta’ Mejju.

Il-Pjan REPowerEU tfassal biex inaqqas b’mod mgħaġġel id-dipendenza fuq il-fjuwils mir-Russja billi jħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u jgħaqqad l-isforzi għal sistema tal-enerġija iktar reżiljenti u għal Unjoni tal-Enerġija iktar soda. Il-Pjan għandu żewġ għanijiet prinċipali. L-ewwel li jwaqqaf kemm jista’ jkun malajr id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils mir-Russja, possibilment sal-2027, bi tnaqqis ta’ żewġ terzi sal-aħħar ta’ din is-sena. It-tieni għan hu li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul ta’ żmien, billi l-provista tal-enerġija tkun kosteffettiva u sikura għall-Ewropa, waqt li tgħin biex tingħeleb il-kriżi tal-klima.

REPowerEU jibni fuq il-pjan tal-UE għat-tranżizzjoni ekoloġika – Fit for 55 – bi tliet għanijiet: l-iffrankar tal-enerġija, il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija fl-Ewropa.

Għal dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea tistma li sal-2027 se jkunu meħtieġa €210 biljun addizzjonali f’investimenti li ġejjin kemm minn sorsi privati u kemm minn dawk pubbliċi. Nofs dan l-ammont mistenni jmur direttament għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u proġetti infrastrutturali tal-idroġenu.

Biex jimplimentaw dawn il-bidliet, l-Istati Membri qed ikunu mitluba jżidu iktar proġetti fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru tal-ekonomiji, imsejħa ‘Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza’ u jindirizzaw il-prijoritajiet tagħhom skont il-prijoritajiet ta’ REPowerEU. L-Istati Membri se jkunu mitluba wkoll jużaw sorsi ta’ fondi tal-UE oħrajn, bħalma huma l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-2021-2027.

Il-ħtieġa urġenti għall-bidla lejn enerġija nadifa hi b’saħħitha aktar minn qatt qabel. Din il-bidla mistennija li mhux biss twaqqaf id-dipendenza tal-enerġija tal-Ewropa fuq ir-Russja, imma tgħolli wkoll l-ambizzjonijiet u l-azzjonijiet tal-UE għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, waqt li tħaffef il-pass fit-tranżizzjoni ekoloġika, li jwasslu għal Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha u aktar awtonoma.